Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Debono u Schembri jinżammu arrestati wara l-qtil ta’ Saviour Gaffarena

Leon Debono u Owen Schembri, żewġ żgħażagħ li allegatament kienu involuti fl-isparatura li seħħet nhar l-Erbgħa bil-lejl, fl-akwati ta’ Ħal Millieri, fil-limiti taż-Żurrieq, tressqu l-Qorti ftit tal-minuti ilu.

L-akkużati, it-tnejn minn Ħal Kirkop, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom iżda ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.

L-investigazzjonijiet, immexxija mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett, baqgħu għaddejjin matul l-aħħar sigħat.

Inqas minn 48 siegħa mill-arrest ta’ żewġ persuni, il-Pulizija tinsab f’pożizzjoni li tressaq il-Qorti żewġ ġuvintur, ta’ 18-il sena u 19-il sena, li kienu arrestati f’Ħal Kirkop, inqas minn tliet sigħat wara rreat.

Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu il-Qorti b’arrest, illum, għall-ħabta tas-6pm, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.

Huma se jkunu akkużati bi qtil u attentat ta’ qtil, fost akkużi oħra.

Intant, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni dalgħodu, il-Pulizija sabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-każ. L-arma nstabet moħbija f’siġra f’għalqa f’Ħal Kirkop.

Il-kundizzjoni taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, li ntlaqat minn tir f’sidru u f’wiċċu għadha waħda gravi imma stabbli u għadu qed jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei.