Lokali

AĠĠORNATA: 80.7% tal-Kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali tal-PN ivvutaw sas-2.00pm

Fl-ewwel sitt sigħat tal-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista vvotaw b’kollox 457 Kunsillier.

Aġġornament maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Partit wera li sas-2.00 pm ivvutaw 417 Kunsillier f’Malta (fid-Dar Ċentrali) u 40 Kunsillier f’Għawdex (fis-Sub-Headquarters tal-Partit f’Ta’ Sannat).

Dawn jingħaqdu mal-484 Kunsillier li vvotaw fl-elezzjoni bikrija li nżammet l-Erbgħa u mat-376 Kunsillier li vvotaw il-Ġimgħa. B’hekk, sas-2.00pm, ivvutaw b’kollox 1,317 Kunsillier, li jammontaw għal 80.7% tal-1,630 eliġibbli.

Il-votazzjoni f’Malta (fid-Dar Ċentrali) fetħet fit-8am u tibqa’ sejra sas-6pm, filwaqt li f’Għawdex (fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat) fetħet fid-9am u tibqa’ sejra sal-4pm. Min hu eliġibbli għandu jieħu miegħu dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni u maskra jew visor.