Lokali

Adrian Delia jħabbar li ser jikkontesta għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-PN

“Ser nidħol għal din it-tiġrija b’determinazzjoni u kuraġġ kbir”. Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’konferenza stampa ftit wara li tħabbar li l-Kunsill Ġenerali għażel li f’Konvenzjoni Ġenerali t-tesserati jmorru jivvotaw f’elezzjoni ta’ Kap tal-PN.

Adrian Delia sostna li għandu fiduċja fit-tesserati għax il-PN jemmen f’demokrazija ta’ vera u d-deċiżjoni finali effettivament tittieħed mit-tesserati waqt din il-konvenzjoni.

Il-Kap tal-PN saħaq li “jirbaħ min jirbaħ, l-aktar ħaġa importanti hu li jirħbu n-nies – jiġifieri mhux kif iridu l-ftit imma l-ħafna”, u għaldaqstant Adrian Delia kompla jgħid li issa f’idejn it-tesserati sabiex jagħżlu d-destin tal-Partit Nazzjonalista. Huwa insista li baqa’ determinat sabiex jilħaq il-milja tal-mandat li tawh it-tesserati u lest josservah sal-aħħar, “tkun biss il-kelma u l-vot tat-tesserati” li jġiegħlu jagħmel mod ieħor.

Adrian Delia wiegħed li jkun xi jkun ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni ser ikun qed jaħdem mal-Kap li magħżul mit-tesserati – dan jagħmlu kemm għall-PN kif ukoll għal Malta.

Madanakollu huwa saħaq li ġaladarba t-tesserati għal darb’oħra jerġgħu jeleġġu lilu wiegħed li ser ikun qed iwettaq bidliet b’urġenza u ser ikun qed iħabbar dan taħt l-għajta, “Mod ġdid, b’nies ġodda”.

Huwa insista li hemm eluf kbar ta’ nies li ma jipretendu xejn ħlief li min jismagħhom, jirrispettahom u jaqbeż għad-drittijiet tagħhom. Huwa saħaq li min lest iservi taħt din l-għajta – il-bibien għalihom miftuħa għal dawk li verament jemmnu li l-PN huwa ta’ kulħadd.

Il-Kap tal-PN saħaq li ‘l fuq minn 90% tal-kunsilliera tal-PN ipparteċipaw fl-elezzjoni tal-Kunsill Ġenerali u saħaq li jinsab kuntent bil-konkorrenza fejn stqarr li dan juri biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista għadu partit ħaj, magħmul minn persuni li jemmnu li l-messaġġ u l-vuċi tagħhom huma importanti.