Lokali

Aktar kontrolli u spezzjonijiet mill-Pulizija u l-Forzi Armati

Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, taqsimiet differenti tal-Korp tal-Pulizija ssoktaw b’aktar xogħol siewi u kienu mpenjati f’diversi lokalitajiet, fejn wettqu numru ta’ spezzjonijiet, kemm għad-droga, kif ukoll għal kull tip ta’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.

Il-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqu spezzjonijiet għallgħarrieda max-Xatt ta’ Bormla u fi Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla. Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, il-Pulizija waqqfu numru ta’ persuni li kienu fl-akwati u saritilhom tfittxija fuqhom rigward pussess ta’ droga, iżda rriżultaw fin-negattiv.

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Qormi, bl-assistenza talPulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb, mis-Sezzjoni ta’ Kontra Droga u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien
mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw 75 vettura f’kontrolli tat-traffiku.

L-ispezzjonijiet, li bdew fl-10.30am u damu madwar 4 sigħat, bdew fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa, fejn Raġel ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żabbar inqabad isuq vettura tal-għamla Chevrolet Cruze bla liċenzja valida, raġel Libjan inqabad isuq vettura tal-għamla BMW 320D bla liċenzja valida u raġel Sirjan ta’ 24 sena residenti Ħal Qormi nqabad isuq vettura tal-għamla BMW bla liċenzja valida.

Il-kontrolli komplew fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fejn raġel ta’ 20 sena residenti Ħal Qormi nqabad isuq vettura tal-għamla Nissan March
bla liċenzja valida. Minn tfittxija li saret fil-vettura, ir-raġel instab fil-pussess sempliċi ta’ sustanza suspettata droga cannabis.
Fi Triq Sant’Anna, il-Furjana, mara ta’ 41 sena residenti San Ġiljan inqabdet issuq vettura tal-għamla Ford Fusion bla liċenzja valida, raġel ta’ 50 sena residenti Tas-Sliema rriżulta li kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv, mara ta’ 27 sena residenti Tal-Pietà nqabdet issuq vettura tal-għamla Suzuki Swift bla liċenzja valida. Minn iżjed stħarriġ, irriżulta li l-vettura kellha liċenzja skaduta u ma kinitx koperta b’polza tal-assigurazzjoni, u għaldaqstant din ġiet irmunkata minn towtruck privat.

F’dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu ukoll kontravezzjoni kontra sewwieq minħabba li ħammeġ post pubbliku billi rema sigarett fit-triq u kontra sewwieq minħabba li l-vettura li ma kellhiex il-fanali skond il-liġi.

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.

Il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq hija importanti biex tkun miġġielda kull tip ta’ kriminalità u anke biex it-toroq ikunu aktar siguri.