Futbol Sport

Arsenal isalvaw l-istaġun bir-rebħ tal-FA Cup għall-14-il darba

(Ritratt: EPA)

Doppjetta ta’ Pierre-Emerick Aubameyang wasslet biex Arsenal rebħu l-FA Cup għal rekord 14-il darba. Arsenal irkupraw minn gowl minn taħt biex irnexxielhom isalvaw l-istaġun hekk kif din ir-rebħa fissret ukoll li kisbu post fil-UEFA Europa League staġun ieħor.

Chelsea marru fil-vantaġġ wara ħames minuti permezz ta’ xutt ta’ Christian Pulisic minn qagħda ideali. B’dan il-gowl Pulisic sar l-ewwel Amerikan li skorja f’logħba waqt finali tal-FA Cup. Iżda Arsenal ġabu d-draw fit-28 minuta meta r-referee Anthony Taylor ordna penalty. Aubameyang għeleb lil Willy Caballero mill-11-il metru biex skorja t-28 gowl tiegħu f’dan l-istaġun.

Il-manager ta’ Chelsea Frank Lampard kien kostrett jibdel lill-captain Cesar Azpilicueta u Pulisic minħabba li weġġgħu. Il-gowl tar-rebħa għal Arsenal wasal fis-67 minuta meta Aubameyang qabeż lil Kurt Zouma u qabbeż fuq Caballero. It-tamiet ta’ Chelsea li jevitaw it-telfa ħadu daqqa ta’ ħarta sitt minuti mit-tmiem meta Mateo Kovacic ġie muri t-tieni karta safra. Dan l-unur fisser l-ewwel trofew għal Mikel Arteta bħala kowċ.