Futbol Sport

Eddie Howe jispiċċa minn manager ta’ Bournemouth

(Ritratt: EPA)

Eddie Howe laħaq ftehim ma’ Bournemouth biex ma jibqax manager tal-klabb. Wara r-relegazzjoni taċ-Cherries għaċ-Championship, Howe se jkun qed itemm 25 sena mal-klabb f’dik li sejjaħ bħala waħda mill-aktar deċiżjonijiet iebsa li kellu jieħu.

Howe qal li kemm hu kif ukoll il-klabb iħossu li wasal iż-żmien li l-klabb imur f’direzzjoni ġdida. F’ittra lill-partitarji tal-klabb, Howe qal li Bournemouth se jibqgħu dejjem f’qalbu u sostna li kull deċiżjoni li ħa, dejjem kienet fl-interess tal-klabb u l-partitarji. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Bournemouth Neill Blake qal li Howe hu sinonimu mal-klabb kemm bħala plejer kif ukoll bħala manager. Hu sejjaħlu bħala leġġenda tal-klabb u kien strumentali biex biddel l-identità u l-istorja tal-klabb.

Howe li għandu 42 sena, mexxa lil Bournemouth minn League 2 sal-Premier League fl-2015, f’dik li kienet l-ewwel promozzjoni tal-klabb fl-ogħla diviżjoni. Fl-aħħar staġuni, Bournemouth kienu stabbiliti fil-Premier League sakemm f’dan l-istaġun sofrew id-diffikultajiet u kienu relegati fl-aħħar ġurnata.