Lokali

Il-kwalità tal-ħajja tal-Iskalini għandha tingħata prijorità – Moviment Graffitti

Ritratt: Bernie Dimech
"Il-proposta għas-sit tal-eks Jerma Palace Hotel trid tiġi emendata"

Moviment Graffitti jilqa’ l-emendi fid-dokument tat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni f’rabta mad-Development Brief tal-eks-Jerma Palace Hotel, b’mod partikolari t-tnaqqis fil-volum li jista’ jiġi żviluppat, mill-figura esaġerata ta’ 100,000 metru kwadru li kienet ġiet stipulata fil-konsultazzjoni ta’ Ottubru 2019, għal 65,000 metru kwadru.

“Il-proposta għall-iżvilupp b’rabta mas-sit tal-eks Jerma Palace Hotel xorta waħda għadha sproporzjonata għad-daqs u l-infrastruttura tal-lokalità u wisq inqas tagħti prijorità lis-saħħa tar-residenti Skalini.

Dan saħquh fi stqarrija l-Moviment Graffitti fejn filwaqt li laqgħu l-emendi fid-dokument tat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni b’rabta ma’ dan l-iżvilupp – huma insistew li huma jaqblu li l-bini jinsab fi stat ta’ abbandun, u li mhux biss ikerrah l-ambjent tal-madwar iżda huwa wkoll ta’ periklu għal kull min jipprova jaċċessa l-kosta u għalhekk għandu jiġi mwaqqa’.

Iżda spjegaw li jibqa’ evidenti l-fatt li dan id-Development Brief ġie mfassal bl-intenzjoni primarja li jakkomoda l-interessi ta’ xi ftit żviluppaturi, mingħajr ma jikkunsidra l-benesseri tar-residenti. Il-Moviment Graffitti saħqu li d-Development Brief jinjora l-effetti negattivi li dan l-iżvilupp ta’ skala hekk kbira jista’ jkollu fuq il-komunità u l-ambjent tal-madwar, u li jista’ jkun qed iwitti t-triq għal Marsaskala bi kwalità tal-ħajja ħafna ifqar.

Il-volum propost ta’ dan l-iżvilupp massiċċ (65,000 metru kwadru ta’ floorspace) huwa aktar mid-doppju tal-volum li huwa okkupat mill-eks-Jerma Palace Hotel (30,000 metru kwadru ta’ floorspace). Huma sostnew li l-fatt li dan il-Brief qed jinkoraġġixxi żvilupp massiċċ bħal dan billi jikkommetti 65,000 metru kwadru għall-iżvilupp jikkontradixxi b’mod dirett it-twissijiet li saru riċentament dwar is-saturazzjoni fl-akkomodazzjonijiet għat-turisti u d-dikjarazzjonijiet minn esperti fl-industrija tat-turiżmu li t-turiżmu tal-massa u proġetti kbar high-end jeħtieġ li jiġu sostitwiti minn mudelli ekonomiċi u soċjali sostenibbli u investimenti ta’ skala iżgħar, rispettivament.

Moviment Graffitti saħqu li harra minn hekk, id-Development Brief se jkun qiegħed jippermetti li l-bini jogħla sa 8 sulari, li huwa ħafna iktar għoli mill-istruttura attwali tal-eks-Jerma. Huma spjegaw li t-Torri ta’ San Tumas se jiġi mgħotti b’dan l-iżvilupp massiv u r-residenzi tal-madwar ukoll se jinbelgħu u jiġu mgħottija mill-istrutturi li se jitilgħu.

Innutaw ukoll li dan id-Development Brief imur kontra l-Pjan Lokali billi jinkludi żewġ żoni addizzjonali li mhumiex inklużi fiż-żona ddemarkata mill-Pjan Lokali. Barra s-sit tal-eks-Jerma Palace Hotel, iż-żona tad-Development Brief propost tinkludi wkoll żona ekoloġika li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u fejn mhija permessa ebda żieda fl-għoli jew fil-volum, kif ukoll sit ta’ wirt storiku li għalih diġà teżisti politika applikabbli. Dawn l-irregolaritajiet inevitabbilment jitfgħu dell ikrah fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Moviment Graffitti jibqa’ jisħaq li dan id-Development Brief għandu jagħti prijorità lill-benesseri tar-residenti u jħalli impatt pożittiv fuq l-aspett soċjali, storiku u ambjentali ta’ Wied il-Għajn, mhux jipprova jakkomoda l-interessi tal-iżviluppaturi. Kwalunkwe żvilupp fuq dan is-sit għandu jintuża b’mod esklussiv għal għanijiet turistiċi u m’għandux ikun ikbar mill-volum, l-għoli u l-ispazju tal-art okkupat mill-eks-Jerma Palace Hotel.