Lokali

“Illum il-PN huwa aktar b’saħħtu mill-bieraħ” – Chris Said

“Illum il-Partit Nazzjonalista huwa aktar b’saħħtu mill-bieraħ, għax l-ogħla organu tal-partit għażel li t-tesserati jkunu jistgħu jagħmlu l-għażla għal Kap”.

Hekk sostna l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said, fejn f’konferenza stampa, indirizzata flimkien mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina u Joseph Grech, ftit wara li tħabbar li l-Kunsill Ġenerali għażel li t-tesserati jmorru jivvotaw f’elezzjoni ta’ Kap tal-PN f’Konvenzjoni Ġenerali.

Chris Said saħaq li mill-vot tal-lum m’hemmx rebbieħ jew tellief iżda rebaħ kull min għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista, “irrelevanti vvota x’ivvota”.

Huwa sostna li issa kull min għandu għal qalbu lill-PN għandu jingħaqad flimkien sabiex ikollna elezzjoni aktar wiesgħa u demokratika bil-għan li s-saħħa u l-entużjażmu li ntwera fl-aħħar ġranet ikompli jsaħħaħ lill-partit.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista saħaq li minn hawn ‘il quddiem dawk il-persuni kollha ta’ stoffa li lesti jmexxu u jservu kemm lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll lil Malta, għandhom jikkunsidraw li jikkontestaw għal din l-elezzjoni għal Kap tal-PN.

Chris Said insista li f’dan l-istadju l-partit għandu bżonn “Kap li kapaċi jsaħħaħ, jgħaqqad u jrebbaħ lill-Partit Nazzjonalista sabiex Malta u Għawdex ikollhom oppożizzjoni b’saħħitha u Gvern alternattiv”.

Dan filwaqt li appella lill-Kap tal-PN, Adrian Delia, sabiex il-messaġġ ċar li wassal l-ogħla organu tal-Partit Nazzjonalista ma jinjorahx.

Huwa rringrazzja lil kull min ħa sehem f’dan il-proċess demokratiku, kemm lil dawk li vvotaw kif ukoll lin-numru kbir ta’ voluntiera sabiex dan il-proċess kien possibli li jseħħ.