Lokali

Jisfronda saqaf ta’ residenza fl-Isla; żewġ persuni bi ġrieħi gravi

Raġel ta’ 59 sena u mara ta’ 54 sena, it-tnejn residenti l-Isla, qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofrew waqt li kienu ġewwa residenza.

Ilbieraħ għall-ħabta tal-10:10pm il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa residenza fi Triq it-Tarzna, l-Isla.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li waqa’ parti mis-saqaf ta’ kamra waqt li l-mara u r-raġel kienu fl-istess kamra ġewwa r-residenza.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu u kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għallaktar kura medika.

Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.