Lokali

Jitħabbru l-40 finalista għall-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza 2020

Tard il-Ġimgħa filgħaxija kienet konkluża l-eliminatorja taż-żewġ Konkorsi tal-Kanzunetta Indipendenza għal din is-sena fejn 10 membri tal-ġurija għażlu 40 kanzunetta minn total ta’ 66 li ġew sottomessi għall-edizzjoni ta’ din is-sena. Minn dawn, 20 kanzunetta se jkunu qed jieħdu sehem fil-konkors tal-kbar filwaqt li 20 kanzunetta oħra fil-kategorija Junior.

Il-ġurija li ġġudikaw il-kategorija tal-kbar kienet iffurmata minn Charles Stroud, Joseph Chetcuti, Marita Bezzina, Yazmin Helledie u George Mifsud.

Il-ġurija għall-kategorija tal-Junior kienet komposta minn George Cassar, Faye Micallef Grimaud, Julia Grima, Joanna Mifsud Micallef u Noel D’Anastas.

Il-ħidma tal-membri tal-ġurija u l-proċess kollu kien assistit u sorveljat kontinwament minn nutar.

Fil-jiem li ġejjin il-kantanti finalisti se jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetti tagħhom fl-istudios ta’ NET TV sabiex siltiet minn dawn l-istess kanzunetti jibdew jintwerew kuljum fuq l-istess stazzjon. B’hekk, filwaqt li l-kantanti jkunu qed jingħataw aktar viżibilità, il-pubbliku jkollu ċ-ċans jisma’ u jivvota għall-kanzunetta favorita tiegħu permezz tat-televoting.

Interessanti li jingħad li t-tema tal-kartolina li se tkun abbinata ma’ kull kanzunetta se tkun waħda relatata mal-isport fejn il-kantanti finalisti ser ikunu l-ewwel ambaxxaturi tal-Kampanja Nazzjonali #sporttulilħajja (#sportforlife) b’aċċenn fuq il-ġlieda kontra l-obeżità u l-importanza ta’ stili ta’ ħajja sana.

Kull kartolina ser tkun abbinata ma’ dixxiplina sportiva differenti. Il-filmati tal-istess kartolini ser jinġibdu f’postijiet varji fejn jiġu pprattikati d-dixxiplini sportivi bil-protagonisti ewlenin ikunu l-kantanti nnifishom flimkien ma’ atleti u personalitajiet oħra Maltin.

Matul ix-xahar ta’ Settembru, fuq NET TV u NET FM, ser ikunu qed jittellgħu programmi speċjali marbuta ma’ dawn iż-żewġ konkorsi. Is-serati finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior u tal-Konkors Kanzunetta tal-kbar se jixxandru live fuq NET TV fit-18 u fid-19 ta’ Settembru rispettivament.

Il-Kumitat Organizzattiv tal-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza 2020 huwa mmexxi minn Robert Cutajar.

Il-listi tal-kantanti finalisti: