Knisja Lokali

Jitħassru uffiċjalment il-pellegrinaġġi tal-festi

"Segwejna l-indikazzjonijiet...li qed jagħtuna l-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa"

Fi stqarrija qasira ffirmata mill-isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, tħabbar li ġie deċiż li ma jsirux aktar pellegrinaġġi matul is-sena 2020.

Din l-istqarrija, maħruġa mill-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Elett ta’ Għawdex Anton Teuma, l-Amminstratur Appostoliku ta’ Għawdex, Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta, Joseph Galea-Curmi – waslet wara li l-isqfijiet innotaw u taw każ tal-karba tal-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll l-indikazzjonijiet u l-pariri provduti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Dan jumejn wara li l-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li fi ftehim mal-Kurja kienu ġew ikkanċellati l-marċi tal-festi – madanakollu fi standards li tħabbru fl-aħħar 48 siegħa l-pellegrinaġġi setgħu jseħħu bil-parteċipazzjoni ta’ massimu 100 persuna li jsegwu d-distanza soċjali.

Madanakollu l-Kurja saħqet li, minkejja dan l-istandard mħabbar, ġie deċiż li ma jsirux aktar pellegrinaġġi.