Futbol Sport

Juventus isofru l-ewwel telfa f’darhom wara aktar minn sentejn fil-jum taċ-ċelebrazzjoni

(Ritratt: EPA)

Juventus iċċelebraw ir-rebħ tas-36 kampjonat fl-istorja tagħhom bit-tieni telfa konsekuttiva fi ftit jiem. Għalkemm it-telfa ma ħalliet ebda effett fuqhom, din kienet l-ewwel telfa li sofrew f’darhom f’aktar minn sentejn. Wara l-logħba, il-captain ta’ Juventus Giorgio Chiellini flimkien ma’ Leonardo Bonucci għollew it-trofew, f’dak li kien id-disa’ kampjonat konsekuttiv mirbuħ mill-Bianconeri. Inter temmew il-kampjonat fit-tieni post punt taħt Juventus filwaqt li t-tliet timijiet li se jilagħbu fl-Europa League l-istaġun li ġej, jiġifieri Roma, Milan u Napoli, kollha temmew b’rebħa.

BERGAMO – Inter temmew l-istaġun fuq nota pożittiva b’rebħa barra minn darhom ta’ 2-0 kontra Atalanta f’konfront dirett. B’dan ir-riżultat Inter temmew fit-tieni post għall-ewwel darba mill-istaġun 2010/11. Inter fetħu l-iskor wara biss minuta meta minn kross ta’ Ashley Young, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ DANILO D’AMBROSIO li skorja b’daqqa ta’ ras minn qagħda ideali. Inter irduppjaw fl-20 minuta bi ġmiel ta’ ASHLEY YOUNG li spiċċa fir-rokna tax-xibka.

BRESCIA – Brescia sellmu lis-Serie A bi draw ta’ 1-1 fi Stadio Rigamonti kontra Sampdoria. Fabio Quagliarella falla ċans li jpoġġi lil Sampdoria minn fuq minn penalty fis-27 minuta. Sampdoria fetħu l-iskor fil-41 minuta b’xutt ta’ MEHDI LERIS minn barra l-kaxxa li kien imxellef u qarraq b’ Lorenzo Andrenacci. Brescia ġabu d-draw fid-49 minuta minn penalty ta’ ERNESTO TORREGROSSA.

MILAN – Ir-riżultati ta’ Milan minn meta tkompla l-kampjonat għandu jqawwi qalb id-diriġenza ta’ Milan li l-istaġun li ġej jista’ jkun pożittiv għalihom. Fl-aħħar logħba fil-kampjonat, Milan għelbu lil Cagliari 3-0. Awto-gowl sfortunat ta’ Ragnar Klavan wara għaxar minuti poġġa lil Milan fil-vantaġġ. Wara li ZLATAN IBRAHIMOVIC falla penalty fl-44 minuta, l-istess plejer irdoppja fil-55 minuta b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka. SAMU CASTILLEJO kabbar il-vantaġġ żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx.

NAPLI – Napoli temmew kampjonat diżappuntanti b’rebħa ta’ 3-1 kontra Lazio fi Stadio San Paolo. FABIAN RUIZ fetaħ l-iskor wara disa’ minuti b’xutt li kien imxellef ftit. CIRO IMMOBILE ġab id-draw fit-22 minuta meta daħal tajjeb wara kross fil-baxx ta’ Sergej Milinkovic-Savic. Dan kien is-36 gowl fil-kampjonat u b’hekk laħaq ir-rekord ta’ gowls skorjati f’kampjonat wieħed li wettaq Gonzalo Higuain bil-flokk ta’ Napoli fl-2016. LORENZO INSIGNE reġa’ poġġa lil Napoli minn fuq fl-54 minuta minn penalty biex MATTEO POLITANO ssiġilla r-rebħa għat-tim ta’ Gennaro Gattuso fit-92 minuta.

TURIN – Juventus sofrew it-tieni telfa konsekuttiva meta din id-darba kienu megħluba f’darhom minn Roma 3-1. Kien GONZALO HIGUAIN li poġġa lil Juventus minn fuq wara ħames minuti b’konklużjoni mill-viċin wara passaġġ ta’ Adrien Rabiot. Reazzjoni minn Roma li ġabu d-draw fit-23 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ NIKOLA KALINIC wara korner ta’ Diego Perotti. Roma ngħataw penalty fit-42 minuta wara li Riccardo Calafiori twaqqa’ minn Danilo fil-kaxxa. Mill-11-il metru DIEGO PEROTTI ma żbaljax. Roma kabbru l-vantaġġ fit-52 minuta b’azzjoni tajba ta’ Nicolò Zaniolo lejn DIEGO PEROTTI li skorja minn qagħda ideali.