Lokali Saħħa

“Kontra l-attivitajiet tal-massa” – Prof. Charmaine Gauci

Il-MAM tgħid li l-Gvern Laburista għandu bżonn jagħmel eżami tal-kuxjenza

Għall-ewwel darba, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika ħadet pożizzjoni ċara rigward l-avvenimenti tal-massa. Dan hekk kif f’komunikat uffiċjali… il-Professur Charmaine Gauci saħqet li mhijiex favur li jiġu organizzati attivitajiet tal-massa jew kwalunkwè avveniment ieħor.

Dan għaliex jekk f’avveniment partikolari jkun hemm tixrid ta’ Covid-19, hemm il-possibilità li jkun hemm impatt qawwi fis-sistema tas-saħħa ….ġaladarba t-tixrid tal-virus ikun wieħed sostanzjali.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija  faħħret din id-dikjarazzjoni ta’ Professur Gauci fejn saħqu li kif spjegat hi stess, avvenimenti tal-massa organizzati f’dan il-perjodu jaf ikollhom konsegwenzi devastanti għal pajjiżna – bir-riskju li s-sistema tas-saħħa lokali titlef il-kontroll fuq il-pandemija.

It-tobba stqarrew id-diżappunt tagħhom lejn il-Ministeru għat-Turiżmu, li bis-sostenn tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela…. iddeċiedew li jinjoraw l-appelli tas-Suprintendent tas-Saħħa, u għadhom ma kkanċellawx uffiċjalment l-avvenimenti tal-massa li qed ipoġġu liċ-ċittadini f’riskju estrem.

L-Assoċjazzjoni Medika insistiet li dawk kollha li qed jieħdu din id-deċiżjoni għandhom jagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar il-ħsara li qed jagħmlu lill-poplu Malti u Għawdxi kemm fiżikament kif ukoll ekonomikament.

Sa issa…. il-Gvern ghadu qed ifarfar  ir-responsabbilità fuq l-organizzaturi fejn fost oħrajn avvenimenti varji inkluż festini tal-praċett jew tiġijiet – għandhom ikollhom ħinhom ridott kemm jista jkun, b’mod speċjali jekk l-avveniment ikun organizzat ġewwa. L-organizzaturi għandhom jiċċekkjaw it-temperatura tal-mistiedna u għandhom ukoll jiprovdu marki viżibli barra s-sala bil-għan li tinżamm żewġ metri distanza huma u deħlin.

Dan filwaqt li l-mistiedna ma jistgħux iqumu ghal xarba mal-bar, mal-medja tal-ikel tal-buffet jew jisservew ‘finger-food’. Minflokk għandhom jitqiegħu fuq mwejjed, fi gruppi ta’ għaxar persuni, bil-waiters iservulhom kemm ix-xarbiet, kif ukoll il-platt tal-ikel bil-porzjon tagħhom.

Intant, għall-avvenimenti li jkollhom aktar minn mitt mistieden, inkluż parties jew saħansitra tieġ – l-organizzaturi għandhom jieħdu ħsieb li jkun hemm diżinfettazzjoni kontinwa kif ukoll għandu jkun hemm protokol serju ġaladarba xi ħadd mill-mistiedna jiżviluppa s-sintomi waqt li jkun qed jattendi l-avveniment.

Mhux hekk biss, iżda l-organizzatur irid jiftiehem kemm mal-awtoritajiet tas-saħħa u uffiċjali tas-sigurtà sabiex jinstab post sigur u ta iżolament għal persuna li tiżviluppa xi sintomi jew saħansitra toħroġ li hija pożittiva waqt li tkun preżenti.