Lokali

Persuna oħra arrestata b’rabta ma’ serqa f’Għawdex

Żagħżugħ minn Ħal Balzan tressaq fil-Qorti t’Għawdex wara ħidma tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fejn flimkien mal-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta ma’ serqa li saret fl-20 ta’ Ġunju, f’Kerċem, Għawdex.

Għaldaqstant wara li tul il-jum tal-Ġimgħa tressaq żagħżugħ ta’19-il sena minn Santa Venera b’rabta ma’ dan ir-reat, is-Sibt filgħodu tressaq quddiem il-Maġistrat Brigette Sultana, il-ġuvni ta’ 22 sena, akkużat li fl-20 ta’ Ġunju seraq mutur u oġġetti oħra kif ukoll li laqa’ jew xtara ħwejjeġ misruqa u li ndaħal biex ibiegħhom jew imexxihom.

Filwaqt li l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, huwa ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin.