Lokali

Elezzjoni għal Kap; il-pass li jmiss

Wara r-riżultat tal-votazzjoni tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju – il-pass li jmiss fi proċess importanti għall-Partit Nazzjonalista hu Elezzjoni għal Kap tal-partit.

Skont l-istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, f’kull każ ta’ xi elezzjoni ta’ Kap tal-Partit għandu jiġi segwit dan il-proċess:

L-ewwel, il-Kummissjoni Elettorali għandha fi żmien tlett ijiem mir-riżultat tas-Sibt fil-Kunsill Ġenerali tniedi l-imsemmija elezzjoni permezz ta’ avviż u titlob dikjarazzjoni ta’ interess minn membri tal-partit interessati li jikkontestaw il-kariga.

Din id-dikjarazzjoni għandha tasal għand iċ-chairperson tal-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-avviż imsemmi.

Minn hawnhekk, fi żmien jumejn, l-ismijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni Kandidati li minnaħa tagħha tniedi l-verifiki meħtieġa fi proċess ta’ due dilligence.

Din il-Kummissjoni imbgħad taħdem biex tlesti l-proċess fl-iqsar żmien possibbli mid-data tal-għeluq tal-interess fil-kariga ta’ kap u tgħaddi r-rapport tagħha  lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali sabiex ikompli l-proċess għan-nomini uffiċjali tal-kandidati li jkunu jridu jservu lill-Partit fil-kariga ta’  Kap tal-istess Partit.

Kif kien hemm qbil unanimu fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit, l-għażla finali issir dejjem mit-tesserati tal-Partit, u skont id-deċisjoni tal-Kunsill Ġenerali li sar fi tmiem il-ġimgħa l-għażla se ssir permezz ta’ ‘open contest’ – permezz ta’ elezzjoni miftuħa għal Kap tal-Partit.

Net News tkellem mal-Avukat Peter Fenech, iċ-Charperson tal-Kummissjoni Elettorali. Hu saħaq li se jiskatta dan il-proċess minn għada filwaqt li tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proċess u fejn għandu jwassal lill-Partit Nazzjonalista.

L-istatut tal-PN jista’ jiġi aċċessat minn kulħadd fuq is-sit pn.org.mt.