Lokali Qorti

Ħu Gaffarena akkużat bi pjan ta’ attentat ta’ qtil

Il-post fejn inqatel Saviour Gaffarena

Żewġ irġiel, fosthom ħu Saviour Gaffarena li nqatel ftit tal-jiem ilu, ġew akkużati li kellhom il-ħsieb li jwettqu delitt hekk kif kellhom fil-pussess tagħhom arma tan-nar mingħajr liċenzja fl-1 ta’ Awwissu.

L-irġiel, wieħed ta’ 30 sena, li jiġi ħu Gaffarena, u ieħor ta’ 63 sena, residenti l-Imqabba u Ħal Kirkop rispettivament, ittellgħu l-Qorti tard is-Sibt filgħaxija quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras bil-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri.

Fil-Qorti, iż-żewġ akkużati wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, bir-raġel ta’ 30 sena ġie kkundannat disa’ xhur priġunerija sospiżi għal tmintax-il xhar u tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal żmien sena. Minn naħa l-oħra, ir-raġel ta’ 63 sena ġie kkundannat iħallas multa ta’ €800.

Jidher li kienu l-qraba stess li għamlu rapport biex isir l-arrest hekk kif kien inkwetati fl-istatt u l-intenzjonijiet tiegħu biex jivvendika ruħu fuq l-akkużati tal-qtil ta’ ħuh.

Żewġ żgħażagħ bħalissa jinsabu arrestati b’akkużi tal-qtil ta’ Gaffarena, Leon Debono u Owen Schembri ta’ 18-il sena, f’liema każ ħallew ukoll żagħżugħ ieħor ta’ 17-il sena, li jiġi kuġin Gaffarena jsofri minn feriti gravi.