Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Awstralja: L-Istat ta’ Victoria jiddikjara stat ta’ diżastru fost il-firxa tal-infezzjonijiet

L-Istat Awstraljan ta’ Victoria fl-aħħar sigħat ħabbar ‘stat ta’ diżastru’ waqt li impona miżuri ġodda tal-lockdown, fost splużjoni ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19.

Taħt ir-regoli ġodda, li daħlu fis-seħħ sigħat ilu, ir-residenti fil-belt ta’ Melbourne – il-kapitali ta’ Victoria – qed ikunu suġġetti għal curfew matul il-lejl, bl-awtoritajiet lokali qed iħejju aktar miżuri ‘li jaffettwaw il-movimenti’ tar-residenti li ħafna minnhom x’aktarx li jkollhom jibqgħu magħluqin id-dar.

L-Awstralja għandha rekord tajjeb fil-mod kif indirizzat il-problema tal-Covid-19 f’artha. Iżda fl-aħħar jiem irrankaw l-infezzjonijiet bil-coronavirus fl-inħawi ta’ Victoria; l-Istat Awstraljan bit-tieni l-akbar popolazzjoni.

L-Istat ta’ Victoria llum jitqies bħala ‘iz-zona’ fejn feġġew l-akbar ammont tal-infezzjonijiet ġodda matul l-aħħar ġimgħat u meta l-awtoritajiet lokali, matul ix-xahar li għadda, kellhom jerġgħu jintroduċu miżuri ġodda ta’ sigurtà u sensiela ta’ restrizzjonijiet għall-pubbliku.

Il-Prim Ministru ta’ Victoria, Daniel Andrews, issa qal li l-miżuri introdotti fl-aħħar ġimgħat qegħdin jaħdmu ‘bil-mod wisq’ u li l-awtoritajiet jeħtieġu jintroduċi ‘sistemi jerġa’ aktar iebsin’ bħala l-unika mod biex ibiegħdu l-kriżi.

Il-miżuri tal-lockdown ġodda għal Victoria se jibqgħu effettivi sa mill-anqas it-13 ta’ Settembru.

Sadanittant, l-awtoritajiet ta’ Victoria rrappurtaw 671 każ ġdid tal-coronavirus u seba’ imwiet oħra relatati mal-infezzjonijiet. Iż-żidiet tellgħu t-total tal-infezzjonijiet għal kważi 12,000 u l-imwiet (fl-Istat) għal 123.

Ir-restrizzjonijiet ġodda huma ddominati mill-curfew għal matul il-lejl għal madwar Melbourne u fejn l-uniċi raġunijiet validi biex xi ħadd joħroġ mid-dar matul is-sigħat speċifiċi jinkludu x-xogħol; xi ħtieġa għal kura medika jew sitwazzjoni fejn persuna jkollha tagħti l-appoġġ f’każ speċjalizzat.

L-istudenti madwar Victoria qed jirritornaw għas-sistemi ta’ tagħlim mid-dar , bl-Istat qiegħed jagħlaq numru ta’ childcare centres. Ir-restrizzjonijiet jesiġu wkoll għall-għeluq, fil-jiem li ġejjin, ta’ ristoranti, kafeteriji, stabbilimenti tax-xorb u gymnasiums fid-diversi zoni tal-Istat.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Andrews qal li l-pulizija se jingħataw il-poteri addizzjonli biex jaċċertaw li r-regoli kollha jkunu osservati.