Internazzjonali

Iżrael: Tensjoni f’Ġerusalemm u Tel Aviv fost protesti għar-riżenja ta’ Netanyahu

Eluf ta’ dimostranti f’Ġerusalemm ħadu sehem f’mewġa ta’ protesti kontra l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu fejn insistew li hu jirriżenja dwar allegata korruzzjoni u minħabba ‘l-ineffiċjenza tat-tmexxija tiegħu’ waqt il-kriżi tal-coronavirus.

Il-protesti ddominaw l-inħawi qrib diversi zoni ta’ salib it-toroq u viċin il-pontijiet tal-belt. Hemmhekk, il-folol xejjru tabelluni b’messaġġi li akkużaw lil Netanyahu dwar ‘falliment’ waqt li gruppi oħra ta’ dimostranti marru jipprotestaw quddiem ir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru f’Ġerusalemm.

L-osservaturi qalu li fl-aħħar sigħat, eluf ta’ dimostranti ngħaqdu f’għajta waħda biex Netanyahu jitlaq mill-poter ‘għaliex wera li mhux denju għar-rwol ta’ mexxej nazzjonali’.

Fil-belt ta’ Tel Aviv, mijiet ta’ nies oħra protestaw kontra l-qgħad li qed jirranka fil-pajjiż u kontra l-allegat falliment tal-Gvern biex jagħti sostenn lill-persuni impjegati għal rashom li tilfu l-għajxien minħabba l-effetti tal-Covid-19.

Illum, qorti distrettwali f’Ġerusalemm qed tipproċessa lil Benjamin Netanyahu għal allegata korruzzjoni u abbuż ta’ influwenza – bil-protesti kontra tiegħu ilhom għaddejjin il-ġimgħat.

Sadanittant, Benjamin Netanyahu qed jakkuża lill-istazzjonijiet tat-televiżjoni privati – channel 12 u channel 13 – b’li qegħdin jagħtu importanza eċċessiva lir-rallies kontra tiegħu ‘bil-għan li jgħinu l-firxa ta’ propaganda li qed jiċċirkolaw id-dimostranti anarkisti tax-xellug’.