Lokali Qorti

Jammetti li seraq mutur u karti tal-krediti tal-banek

Żagħżugħ ta’ 22 sena ammetta fil-Qorti li seraq mutur, ċwievet, pjanċi tar-reġistrazzjoni, karti tal-krediti tal-banek, fost oħrajn.

Il-każ seħħ f’Kerċem Għawdex u ttella’ l-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana. Hu ġie akkużat ukoll b’akkużi li aċċetta jew xtara oġġetti misruqa u li saħansitra prova jbigħhom.

Wara li ammetti għall-akkużi miġjuba kontrih, iż-żagħżugħ ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Marbut ma’ dan il-każ, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex is-Sibt arrestaw żagħżugħ ta’ 19-il sena.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Bernard Charles Spiteri.