Lokali

L-AFM tasal fiz-zona fejn hemm 71 immigrant

Rapporti qed jindikaw li l-grupp ta’ 71 immigrant li aktar kmieni din il-ġimgħa sejjħu għall-għajnuna, qattgħu lejl ieħor bejn sema u ilma. Għalkemm matul is-sigħat li għaddew waslet fil-post patrol boat tal-Forzi Armati Maltin.

L-organizzazjoni Alarm Phone qed tallega li l-Gvern Malti jaf qed jinnegozja pushback lejn il-Libja. Dawn ir-rapport s’issa mhumiex konfermati b’mod indipendenti.

Dan il-grupp ta’ immigranti mhuwiex l-unika wieħed li bħalissa jinsab fil-Mediterran, hekk kif il-kriżi tal-immigrazzjoni qed tkompli teskala b’aktar vjaġġi klandestini lejn l-Ewropa.

Matul Lulju, kawżi f’kull ġimgħa, rajna wasliet ta’ immigranti f’pajjiżna.

Mill-bidu tas-sena ‘l hawn daħlu Malta ‘il fuq minn 1,800 immigrant.

Dawn in-numri qed jitfgħu pressjoni mhux żgħira kemm fuq l-armata kif ukoll fuq is-servizzi ta’ detenzjoni; sitwazzjoni li qed twassal ukoll biex b’mod regolari jaħarbu immigranti miċ-Ċentri magħluqa. L-aħħar ħarba seħħet propju fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, bil-ħames immigranti jibqgħu ma jinstabux.