Internazzjonali

L-Indja: Imutu vvelenati mill-alkoħol illegali

L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Punjab ( fit-Tramuntana tal-Indja) ikkonfermaw li talanqas 90 persuna mietu, fl-aħħar jiem, wara li kkunsmaw ammonti ta’ alkoħol li kien prodott b’mezzi illegali.

Intant, il-pulizija, fi tmiem il-ġimgħa, wettqet għexieren ta’ rejds fejn ikkonfiskat il-provvisti tal-alkoħol meqjus bħala ħażin, fost l-arresti ta’ mill-anqas 25 persuna.

L-ammont tan-nies li mietu mill-effetti ta’ dan l-alkoħol ħażin baqa’ jiżdied b’rata konsistenti fl-aħħar ġranet — u sal-punt fejn il-Ministru Ewlieni ta’ Punjab, Amarinder Singh, ordna biex issir inkjesta immedjata.

Kull sena, imutu l-mijiet ta’ nies fl-Indja wara li jkunu xorbu l-alkoħol illegali provdut minn stabbilimenti dubbjużi.

L-aħħar rapporti minn Punjab issuġġerew li fl-aħħar każ ‘tal-ivvelenar’, l-alkoħol illegali seta kien prodott fi kwantità kbira qabel inbiegħ lis-sidien ta’ stabbilimenti tax-xorb u waqt li kienet qed issir id-distribuzzjoni tal-prodott lill-komunitajiet lokali.