Internazzjonali

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 jaqbżu n-nofs miljun fl-Afrika t’Isfel

L-Afrika f’Isfel ikkonfermat ‘il fuq minn 500,000 każ tal-coronavirus fl-artijiet tagħha. Dan meta l-Ministru tas-Saħħa tal-pajjiż, Zwelini Mkhize, ħabbar 10,107 każi ġodda, bit-total tal-infezzjonijiet fil-pajjiż issa jaqbeż il-503,000 – bi 8,153 mewta relatata mal-pandemija.

L-Afrika t’Isfel hi l-aktar pajjiż li ntlaqat ħażin mill-coronavirus fil-kontinent Afrikan. Fil-fatt, il-pajjiż irreġistra n-nofs tal-każi kollha tal-Covid-19 li feġġew fl-Afrika.

Intant, l-Afrika t’Isfel għandha l-ħames l-akbar ammont ta’ każi fid-dinja – wara l-Istati Uniti. Il-Brażil, ir-Russja u l-Indja.

Fl-istess ħin, ir-riċerkaturi qalu li l-ammont tal-imwiet proprju mill-coronavirus fl-Afrika t’Isfel jista’ ikun bil-wisq ogħla minn dak li qed jirrappurtaw l-awtoritajiet lokali. Dan meta l-awtoritajiet tas-saħħa fil-pajjiż partikulari qalu li r-rata tal-infezzjonijiet qed tiżdied kontinwament, bil-każi qed jikkonċentraw madwar il-kapitali, Pretorja.

‘Il fuq minn terz tal-infezzjonijiet kienu rappurtati fil-provinċja ta’ Gauteng, il-hub finanzjarju tal-Afrika t’Isfel u li saret l-epiċentru tal-epidemija fuq bażi nazzjonali.