Sport Sport Ieħor

Louis Borg jirtira mix-xena tal-handball f’pajjiżna

Fl-għeluq tal-25 sena minn meta twaqqfet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, il-fundatur Louis Borg irtira mix-xena tal-handball wara li minn meta twaqqfet serva wkoll bħala President. Il-pass meta l-assoċjazzjoni Maltija tal-Handball saret membru fi ħdan il-European Handball Federation u l-International Handball Federation, kien wieħed importanti biex din l-assoċjazzjoni setgħat tkompli tikber.

Is-Sur Louis Borg, eks Senior Lecturer fi ħdan l-Università ta’ Malta u l-ewwel Direttur tal-Akkademija tal-Edukazzjoni Fiżika, ta kontribut b’saħħtu fl-iżvilupp tal-Edukazzjoni Fiżika u l-isport f’pajjiżna. Borg kien ukoll pijunier f’bosta sport ieħor. Hu kien wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball fejn serva wkoll bħala President. Borg introduċa ukoll il-logħob tal-FISEC f’pajjiżna fl-1967.

Hu kien ukoll l-viċi-President tal-Kumitat Olimpiku Malti u serva wkoll bħala Direttur Tekniku kemm fl-Olimpjadi kif ukoll fil-Logħob tal-Mediterran. Borg kien ukoll mistieden biex jagħti lecture f’Olypia fil-Greċja, fit-tielet sessjoni għad-Diretturi Akkademiċi fl-Ewropa. Ix-xogħol tas-Sur Borg kien rikonoxxut f’pajjiżna fejn fl-1999 ingħata l-IOC Award għall-Isport u l-Edukazzjoni u kien inkluż fil-MOC Hall of Fame fl-2007.