Lokali

M’hemmx qbil bejn il-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa

Minkejja l-istampa li qed ipinġi l-Gvern ta’ “kollox sew” u ta’ “kollox miexi tajjeb” meta jitkellem dwar il-COVID-19, jidher li l-verità hija totalment differenti.

Dan skont sorsi li l-gazzetta The Malta Indipendent on Sunday sejħet bħala affidabbli; sorsi li żvelaw li r-relazzjoni bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Sprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, marret għal agħar.

Dawn is-sorsi ta’ min joqgħod fuqhom stqarru li t-tensjonijiet bejn iż-żewġ naħat komplew jikbru, partikolarment wara l-ħafna każi ġodda ta’ COVID-19 li ħarġu minn attivitajiet tal-massa.

Jidher li Fearne u Gauci qalu lill-Prim Ministru biex jammetti li żbalja u jwaqqaf dawn l-attivitajiet f’mument hekk delikat għas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Madankollu, sal-lum, Abela għadu jwebbes rasu u mhux jagħti prijorità lis-saħħa tal-poplu.

Fl-aħħar jiem l-Gvern irċieva ħafna kritika għal mod kif qed jaġixxi, mhux biss dwar attivitajiet tal-massa iżda anke għal mod kif fetaħ beraħ l-ajruport għal kull destinazzjoni… fattur li l-esperti u n-numri riċenti ta’ każi qed juru li se jwassal għat-tieni mewġa tal-Coronavirus. Dan anke jekk Robert Abela saħaq li “il-mewġ fil-baħar qiegħed.”

Kienu ħafna dawk li nnutaw u staqsew, għalfejn fl-aħħar u l-unika konferenza tal-aħbarijiet minn meta reġa’ beda jgħolli rasu l-virus, dehru biss il-Ministru Fearne u l-Profs Gauci. Kienu ħafna l-kummenti li semmew kif il-Prim Ministru “qed ikun baħri tal-bnazzi” u ndirizza lin-nazzjon, BISS, meta kellu affarijiet tajbin xi jħabbar.

Is-sorsi ta’ The Malta Independent on Sunday qalu li minkejja li Fearne ċaħad id-diżgwit serju li hemm mal-Prim Ministru, ir-realtà wara bibien magħluqa hija ferm differenti.

Il-gazzetta qalet ukoll li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia issa ngħaqdet min-naħa tal-Prim Ministru hekk kif jidher li t-tnejn qegħdin jaħdmu biex aktar turisti jiġu f’Malta. Dan minkejja li Feane u Profs Gauci jemmnu li l-pajjiż għaġġel biex irrilaxxa l-miżuri.

Filfatt, fl-aħħar xhur, il-Maltin u l-Għawdxin raw kuntrast kbir fil-mod kif tkellem Robert Abela u d-diskors ta’ kawtela li wżaw Chris Fearne u Charmaine Gauci.