Sport Sport Ieħor

Thomas Woods bi prestazzjoni tajba ħafna fis-Salina

(Ritratt: Deacon Xuereb)

Fit-tieni tellieqa tal-Kampjonat Garmin BSJ Open Water li saret nhar l-Erbgħa fis-Salina, fejn ħadu sehem 75 għawwiem b’Thomas Woods jimpressjona u b’ Sarah Demicoli tirbaħ it-tieni tellieqa konsekuttiva tal-istaġun. It-tellieqa ta’ 2km kienet imqassma fuq korsa trijangulari li tikkonsisti f’żewġ dawriet fil-Bajja tas-Salina.

Fil-kompetizzjoni tal-irġiel, kien hemm dwell tajjeb bejn Andre Camilleri u Thomas Woods li mill-bidu nett ħadu t-tmexxija u kienu fuq quddiem. Woods kiseb il-vantaġġ lejn it-tmiem biex rebaħ l-ewwel tellieqa tiegħu b’ erba’ sekondi titjib fuq il-ħin tal-ġimgħa ta’ qabel. Fit-tielet post temm Stefano Debono Grech.

Fil-kategorija femminili, Sarah Demicoli kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha billi rrepistrat titjib ta’ ħames sekondi mill-ħin tal-ġimgħa ta’ qabel. Fit-tieni post daħlet Kelsey Borg li dehret għall-ewwel darba fuq il-podju filwaqt li Martina Micallef ħadet it-tielet post. Fost dawk li ħadu sehem kien hemm ukoll iż-żagħżugħ Jake Vella li wara jiem fl-isptar irnexxielu jirkupra fil-ħin.

Il-Midalji ġew ippreżentati minn Mark Gaglione li jirrapreżenta lil Medcomms Ltd- aġenti esklussivi ta’ Garmin. Id-data tat-tellieqa tal-Kampjonat Garmin BSJ Open Water se tkun imħabbra fil-jiem li ġejjin fuq il-Midja Soċjali tal-Klabb.