Internazzjonali

Afganistan: L-ISIS jieħdu r-responsabbiltà għal attakk qattiel f’Jalalabad

Il-grupp terroristiku tal-ISIS assuma responsabbiltà għal attakk fuq kumpless ta’ ħabs prinċipali fil-belt ta’ Jalalabad u li, fost oħrajn, wassal għal attentat ta’ ħarba minn mijiet ta’ priġunieri.

Intant, l-awtoritajiet irnexxielhom jaqbdu mill-ġdid madwar elf priġunier li rnexxielhom jaħarbu mill-kumpless, waqt li għaddejja tfittxija għal priġunieri oħra li sparixxew qalb il-konfużjoni.

L-attakk beda fil-lejl tal-Ħadd meta l-aggressuri tajjru l-karozzi-bomba viċin l-entratura tal-ħabs, bil-vjolenza tkompli sa dalgħodu, fost sensiela ta’ battalji bejn il-militanti Iżlamiċi u l-qawwiet tas-sigurtà Afgani.

Fil-ġlied, li dam għaddej għal 20 siegħa, mietu ‘il fuq minn 30 persuna, b’għexieren oħra jisfaw midruba. L-uffiċjali f’Jalalabad, li tinsab fil-provinċja ta’ Nangarhar, qalu li nqatlu xi terroristi tal-ISIS, b’aggressuri oħrajn, imbagħad, jingħalqu ġo bini minfejn baqgħu jirreżistu lill-qawwiet tas-sigurtà għat-tul taż-żmien.

Il-kumpless ta’ ħabs partikulari qed iżomm ‘il fuq minn 1,700 ħabsi – fil-parti kbira ġellieda tal-ISIS u tal-moviment tat-Taliban. Intant mhux ċar jekk l-attakk seħħx bil-ħsieb speċifiku li jinħelsu ‘xi priġunieri partikulari’ mill-kumpless inkwistjoni.

L-inkwiet kellu jseħħ fit-tielet u l-aħħar jum ta’ perjodu għal waqfien mill-ġlied temporanju bejn il-Gvern Afgan u l-militanti tat-Taliban. Dan meta nħelsu diġà l-mijiet ta’ priġunieri tat-Taliban f’inizjattiva intiża biex tixpruna t-taħditiet għall-paċi bejn iż-żewġ naħat.

It-Taliban – li hu avversarju qalil tal-ISIS – ċaħad għal kull sehem fid-dmija tal-aħħar sigħat f’Jalalabad.