Coronavirus Lokali

COVID-19: 14-il każ ġdid

Fi tlett ijiem il-każi jiżdiedu b'50

Komplew jiżdiedu l-każi attivi ta’ Covid-19 fil-Gżejjer Maltin hekk kif issa pajjiżna daħal fit-22 ġimgħa minn meta dan il-virus feġġ fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 14-il każ ġdid minn 1,438 swab test. Dan ħabbru l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook fejn tħabbar li 5 minnhom jagħmlu parti mill-cluster li tħabbar il-Ħadd, relatat ma attività f’Paceville, filwaqt li 3 każi oħra huma qraba ta’ każi mħabbra fl-aħħar jiem.

Dan ifisser li fl-aħħar sigħat huma 6 l-persuni li ma jafux minn fejn ġew infettati – bil-Ministeru ma jeskludix li hemm min minn dawn l-erbatax mar għax-xogħol bis-sintomi.

Għaldaqstant, fl-aħħar tlett ijiem ġew irreġistrati 50 każ ġdid sabiex il-każi attivi f’pajjiżna żiedu għal 199, bil-każi totali jilħqu t-874. Dan filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa ma kien hemm l-ebda persuna li fieqet minn dan il-virus.

Fl-aħħar aġġornament għal darb’oħra l-Ministeru għas-Saħħa falla milli jaġġorna lill-pubbliku jekk xi persuni morda bil-Covid-19 qed jingħatawx il-kura fl-Isptar Mater Dei kif ukoll ma kien hemm l-ebda aġġornament dwar il-kundizzjoni tal-persuna ta’ 80 sena li tul il-jum tas-Sibt tħabbar li ttestjat pożittiva għall-virus.