Internazzjonali

Covid-19: L-aħħar żviluppi relatati mal-pandemija

Fl-Awstralja komplew jiżdiedu l-każi tal-Covid-19 – b’mod partikulari fl-Istat ta’ Victoria, fejn ħafna negozji u stabbilimenti spiċċaw jagħlqu taħt il-kundizzjonijiet tal-lockdown ġdid.

L-Istat inkwistjoni reġistra 429 każ u 13-il mewta oħra fl-aħħar perjodu ta’ 24 siegħa — bl-awtoritajiet lokali jikkonfermaw l-għeluq tas-servizzi li mhumiex essenzjali fil-belt ta’ Melbourne għal sitt ġimgħat.

Waħda mill-konsulenti mediċi ewlenin mal-President Amerikan Donald Trump wissiet li l-Istati Uniti dieħla ‘ġo fażi ġdida’ fil-ġlieda kontra l-pandemija. Deborah Birx qalet li l-marda ‘infirxet b’mod straordinarju’ madwar il-pajjiż u meta qed ifeġġu dejjem aktar infezzjonijiet qalb iz-zoni rurali.

‘Il fuq minn 27 miljuni fil-Filippini dalwaqt se jirritornaw taħt lockdown wara  li l-każi tal-coronavirus għaddew il-100,000 f’dan il-pajjiż.

Ir-Renju Unit, mill-ġimgħa d-dieħla, se jintroduċi testijiet ġodda għall-Covid-19 li għandhom jipproduċu r-riżultati f’mhux aktar minn 90 minuta.

Sadanittant, il-belt ta’ Manchester, fin-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra, iddikjarat ‘sitwazzjoni ewlenija’ wara spinta fir-rata tal-infezzjonijiet lokali. Ir-reġjun ta’ Greater Manchester hu fost iz-zoni fir-Renju Unit (l-istess bħal East Lancashire u bnadi ta’ West Yorkshire ) li qed jiffaċċjaw miżuri tal-lockdown ġodda.

Ħames pajjiżi Latini Amerikani fil-preżent huma fost l-aktar għaxar pajjiżi affettwati mill-coronavirus fid-dinja –bil-każi qed javviċinaw il-ħames miljuni fir-reġjun, bħala ‘total’.

L-aħħar jumejn ġabu żieda sostanzjali ta’ infezzjonijiet fil-Kolombja, li fi tmiem il-ġimgħa rreġistrat żewġ rekords għal perjodi konsekuttivi ta’ 24 siegħa, — bi kważi 10,700 każi kkonfermati għas-Sibt u 11,470 każi oħra għall-ġurnata tal-Ħadd.