Pajjiżna fl-aħħar disat ijiem irreġistra 174 każ ġdid ta’ Covid-19. Iżda dawn l-aħħar żviluppi ma tantx jidhru li qed jinkwetaw wisq lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna.
“IS-SITWAZZJONI HIJA TAĦT KONTROLL B’MOD MILL-AKTAR TAJJEB”
– Robert Abela
Hekk kif ħafna familji qed jerġgħu iżommu lill-vulnerabbli tagħhom magħluqa u l-pubbliku in ġenerali reġa’ beda’ jieħu aktar prekawzjonijiet biex jevita l-virus, Robert Abela jibqa’ insensittiv għat-tħassib ta’ ħafna.
Tkellimna mal-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna aktar kmieni llum, fejn għaldarboħra reġa għamel referenza għall-mewġ. U qal li llum “lanqas għandna mewġa waħda”.
Staqsejnieh jekk mexiex dejjem verament fuq dak li kienu jgħidulu l-esperti tal-qasam tas-saħħa, madankollu, u minkejja li staqsejnih darba darbtejn.. hu baqa’ jilgħab bil-kliem. U meta staqsejnih jekk jaħsibx il d-deċiżjonijiet li ħa hu setgħux wasslu għal din it-tieni mewġa ta’ każi li qed nesperjenzaw, hu qal li l-ħidma tiegħu kienet suċċess.
Iżda minkejja l-insistenza fuq is-suċċess, il-Prim Ministru għadu sal-lum qed iwaqqaf milli jkunu ppubblikati r-Risk Assessment Reports li, skont hu, ġġustifikaw il-ftuħ ta’ kollox bla restrizzjonijet. U konvenjentment farfarha fuq il-Professur Charmaine Gauci.
Hu naqas milli jiċħad dak li qalu l-awtoritatjiet tas-saħħa, fosthom l-Assoċjazzjoni tat-Tobba, meta allegat li Abela kien injora dak li kienu qed jgħidulu l-esperti u għamel ta’ rasu meta fetaħ kollox f’daqqa. Bil-Prim Ministru jispiċċa jattakka lill-President tat-tobba, Martin Balzan
“DR MARTIN BALZAN HUWA L-PRESIDENT TA’ UNION.. U MHUX TAT-TOBBA KOLLHA LANQAS”
U filwaqt li fl-ebda ħin ma semma’ l-għajnuna kbira li kisbet Malta mill-UE biex tiġġieled l-effetti tal-pandemija, Robert Abela ma kellux xi jgħid meta staqsejnih jekk, kieku seta’ jmur lura, jerġax juża frażijiet bħal “il-mewġ qiegħed fil-baħar”.
//= $special ?>