Futbol Sport

Di Francesco jinħatar kowċ ta’ Cagliari

(Ritratt: EPA)

Eusebio Di Francesco nħatar kowċ ta’ Cagliari wara li ttieħdet id-deċiżjoni li ma jġeddux il-kuntratt ta’ Walter Zenga. Il-kowċ ta’ 51 sena ffirma kuntratt ta’ sentejn bl-għan prinċipali hu li jżomm lil Cagliari fis-Serie A u jgħinhom jiksbu post f’nofs il-klassifika.

Zenga kien inħatar fil-bidu ta’ Marzu iżda kellu jistenna tliet xhur biex jagħmel id-debutt fis-Serie A wara li l-kampjonat twaqqaf minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Fit-13-il logħba fit-tmexxija, Cagliari kisbu tliet rebħiet, erba’ draws u sitt telfiet, b’Cagliari jispiċċaw fl-14-il post.

Di Francesco bena r-reputazzjoni tiegħu ma’ Sassuolo hekk kif fl-2013 għenhom biex għall-ewwel darba jiksbu l-promozzjoni fis-Serie A. Fl-2017 ingħaqad ma’ Roma u fl-ewwel staġun tiegħu mexxa lit-tim tal-kapitali Taljana sat-tielet post u sas-semifinali tal-UEFA Champions League.

Iżda sfortunatament fl-istaġun ta’ wara ma kellux l-istess riżultati u tkeċċa mill-kariga f’Marzu tas-sena l-oħra. Di Francesco nħatar kowċ ta’ Sampdoria fil-bidu tal-istaġun li għadda iżda tkeċċa wara sitt telfiet fl-ewwel seba’ logħbiet.