Internazzjonali

Dragon Endeavour: Is-suċċess ta’ missjoni fl-ispazju jiftaħ era ġdida għall-aġenzija NASA

epa08581140 A handout photo made available by NASA shows The SpaceX Crew Dragon Endeavour spacecraft as it lands with NASA astronauts Robert Behnken and Douglas Hurley onboard in the Gulf of Mexico off the coast of Pensacola, Florida, USA, 02 August 2020. The Demo-2 test flight for NASA's Commercial Crew Program is the first to deliver astronauts to the International Space Station and return them to Earth onboard a commercially built and operated spacecraft. Behnken and Hurley are returning after spending 64 days in space. EPA-EFE/NASA/Bill Ingalls HANDOUT MANDATORY CREDIT: (NASA/Bill Ingalls) HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Ir-ritorn lura fid-dinja tal-kapsula Dragon Endeavour – wara l-ewwel missjoni kummerċjali bl-involviment ta’ ekwipaġġ lejn l-Istazzjon tal-Ispazju Internazzjonali —  qed jitqies bħala l-bidu ta’ era ġdida għall-aġenzija spazjali NASA tal-Istati Uniti.

Il-proċedura li ntużat għall-missjoni – bis-sehem ta’ entitajiet li jipprovdu servizz partikulari f’dan is-settur speċjalizzat – għandha tiffranka l-biljuni ta’ dollari lin-NASA, li, imbagħad, jistgħu jkunu investiti f’missjonijiet biex itellgħu l-astronawtu fuq il-qamar ( bħala parti mill-programm Artemis tal-istess NASA) u, eventwalment, fuq il-Pjanet Mars.

Il-kapsula kienet bdiet il-missjoni lejn l-Istazzjon Spazjali fl-aħħar ta’ Mejju —  permezz ta’ rokit tat-tip Falcon 9 li supplixxietu l-kumpannija SpaceX, tal-imprenditur biljunarju Elon Musk, u  li hi sieħba kummerċjali tan-NASA.

Il-missjoni saret ukoll bis-sehem kruċjali tal-astronawti Amerikani Doug Hurley u Bob Behnken li fl-aħħar sigħat ikkonkludew il-proċess ta’ ‘splashdown’ ( wara li rritornaw lura fid-dinja) fil-Golf tal-Messiku ‘il hinn mill-kosta ta’ Pensacola, fl-Istat Amerikan ta’ Florida.

Fil-fatt, il-missjoni rnexxiet bħala dimostrazzjoni ta’ ‘taxi service’ għall-astronawti u li l-kumpanija SpaceX, ‘il quddiem, se tkun qed tbiegħ lin-NASA.

It-touchdown fl-ibħra ‘il hinn minn Florida kien anki l-ewwel inżul ta’ dan it-tip li jinvolvi astronawti Amerikani mill-aħħar missjoni tal-vettura spazjali (tal-Istati Uniti) ‘Apollo’, li kienet tmur lura għas-snin sebgħin.