Ambjent Lokali

FILMAT: Ifaqqsu 11-il fekruna oħra fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra

Matul il-lejl li għadda, fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, faqqsu 11-il fekruna oħra wara t-62 li faqqsu l-Ħadd bil-lejl. Dan wara li ftit aktar minn xahrejn ilu, fekruna tal-ilma baħar telgħet fuq din il-bajja u biedet il-bajd hemm.

Fuq il-paġna ta’ Facebook, Nature Trust spjegat li dawn il-11-il fekruna żgħira faqsu fil-preżenza ta’ voluntieri tal-għaqda, kif ukoll Uffiċjali tal-ERA. Nature Trust ilha dawn l-aħħar ġimgħat lejl u nhar tara li dawn il-bajd jibqgħu siguri u ma ssirilhom l-ebda ħsara.

Emozzjonati b’dak li kienu qed jaraw, huma segwew lill-fkieren sakemm waslu fil-baħar u bdew ħajjithom fid-dinja tagħhom. Nature Trust irringrazzjat lill-voluntieri, li fost l-oħrajn raw li jnaddfu r-ramel minn sigaretti u ħmieġ ieħor li jintrema b’mod irresponsabbli minn dawk li jżuru l-bajja.

Id-dawl ukoll kien wieħed mill-fatturi li seta’ jfixkel it-triq tal-fkieren għall-orizzont, filwaqt li ħsejjes bla bżonn setgħu wasslu għall-possibbiltà li fkieren ma jfaqqsux. Fil-fatt, il-voluntieri li kienu fil-post meta faqqsu użaw biss dawl aħmar biex jikkonfermaw li l-fkieren jaslu b’suċċess fil-baħar, filwaqt li jgħoddu kemm faqqsu bajd.

(Ritratt u Filmat: Nature Trust)