Lokali

“Gvern bla viżjoni u b’wegħdiet fiergħa li qed ipoġġi fil-periklu lil ħaddieħor” – Kamra tal-Periti

Ittra miftuħa lil Robert Abela b'karba biex jieqaf jinjorahom

L-azzjoni tal-Gvern Laburista sabiex itejjeb l-industrija tal-kostruzzjoni kienet s’issa waħda dgħajfa, bla viżjoni u inkompetenti għall-aħħar, b’hekk din l-industrija għadha fi kriżi qawwija.

Dan kien parti mid-diskors li ngħad f’ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela miktuba mill-Kamra tal-Periti sena wara li l-Gvern kien preżenta lill-istess Kamra wegħdiet importanti sabiex itejjeb lil din l-industrija, wegħdiet li r-rappreżentanti tal-periti qed jiddeskrivu bħala fierħa. Dan għaliex sena wara, il-Kamra tal-Periti saħqet li l-ebda waħda minnhom ma twettqu.

Il-Kamra tal-Periti sostniet li l-ebda industrija f’pajjiżna ma hija injorata u mifnija b’nuqqas ta’ regolamentazzjoni daqs dik tal-kostruzzjoni b’konsegwenzi traġiċi li jissarfu f’periklu kbir għal ħaddiema, ir-residenti li joqgħodu biswit siti ta’ kostruzzjoni kif ukoll dawk il-persuni li jixtru l-prodott finali ta’ bini lest.

Ġie spjegat li l-esplojtazzjoni tal-barranin f’dan is-settur, in-nuqqas ta’ spezzjonijiet u s-sens ġenerali ta’ apatija mill-awtoraijiet tħammar wiċċ lir-rappreżentanti tal-periti meta jitħadtu mal-kollegi Ewropej.

Huma appellaw lil Robert Abela sabiex jagħti kashom u ma jibqax jinjorahom, ankè fid-dawl li ilhom jitkarbulu biex jiltaqgħu miegħu għal dan l-aħħar xahar u nofs bil-għan li jippreżentawlu set ta’ proposti li ħarġu bihom wara diversi laqgħat mar-rappreżentanti tal-industrija lokali.

Il-Kamra tal-Periti insistiet li ġaladarba l-Mexxej Laburista jibqa’ jinjora t-talba għal laqgħa urġenti ser tasal għal konklużjoni li hemm dubji qawwija kemm dan il-Gvern għandu għal qalbu l-benesseri taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.