Lokali

Ian Borg jammetti nuqqassijiet fl-industrija tal-kostruzzjoni

Il-Ministru Ian Borg xeħet il-ballun f’saqajn il-periti. 11-il jum wara l-aħħar fatalità traġika f’sit tal-kostruzzjoni, fejn żagħżugħ mill-Gambia tilef ħajtu fuq il-lant tax-xogħol f’Bormla – il-Ministru insista li l-korpi kostitwiti jridu jerfgħu r-responsabbiltà. Dan wara li l-Kamra tal-Periti ħeġġet lill-Gvern ta’ Robert Abela, b’mod partikolari lill-istess Ian Borg, sabiex jieqfu jkaxkru saqajhom u jżommu mal-wegħdiet li għamlu sen’ilu.

Il-Kamra tal-Periti sostniet li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jixraqilhom aħjar – u insistew li l-industrija tal-kostruzzjoni hi mifnija b’nuqqasijiet fundamentali – b’aktar dewmien m’għadux aċċettabli. Dan minkejja li l-Gvern Laburista fassal aġenzija ġdida tal-Bini u l-Kostruzzjoni fl-2019 – aġenzija li din l-industrija għad trid taraha l-frott tagħha.

Dikjarazzjoni li l-Ministru Ian Borg ma ċaħadx.

In-nuqqasijiet sistematiċi fl-industrija tal-kostruzzjoni, msemmija mill-Kamra tal-Periti spiċċat tahsad ħajjet innoċenti – kemm ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, kif ukoll residenti li ħajjithom tinħasad ħabta u sabtha. Bejn l-2014 u l-2019, ‘il fuq minn 11-il persuna tilfu ħajjithom b’rabta ma’ inċidienti f’siti ta’ kostruzzjoni, filwaqt li fl-ewwel 7 xhur ta’ din is-sena biss tilfu ħajjithom 4 persuni – inkluż il-mewta traġika tal-omm ta’ żewġ ulied, Miriam Pace.

Madanakollu – meta mistoqsi kemm qed isiru spezzjonijiet f’siti ta’ kostruzzjoni sabiex kemm jista’ jkun traġedji bħal dawn jiġu evitati – il-Ministru Borg naqas milli jwieġeb …imqar bi stimi aprossimattivi biex iserraħ l-imħuħ.

Il-Kamra tal-Periti insistiet li s-sitwazzjoni f’din l-industrija m’għadhiex tenibbli u hemm bżonn li l-pajjiż jara riżultati sinifikanti, bil-Gvern jieqaf ikaxkar saqajh quddiem traġedja wara l-oħra.