Coronavirus Lokali

Il-UĦM titlob laqgħa mal-Prim Ministru dwar it-tħassib relatat mal-Coronavirus

Il-UĦM Voice of the Workers talbet laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela biex tispjegalu dak li qed jasal għandha mingħand il-membri tagħha, kif ukoll mingħand diversi ċittadini Maltin u Għawdxin, dwar is-sitwazzjoni tal-Coronavirus.

F’ittra ffirmata mill-Kap Eżekuttiv Josef Vella, il-Union qalet li diversi ħaddiema qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar x’direzzjoni għandhom jieħdu meta qed ikun hemm differenza fil-messaġġi: l-Awtoritajiet tas-Saħħa jgħidulhom iżommu ruħhom safe umbagħad il-miżuri li kienu ttieħdu ġew rilaxxati kollha.

Diversi postijiet tax-xogħol jinsabu mħassbin jekk u x’miżuri għandhom iżommu f’dan il-mument. Hemm ukoll ħafna ġenituri li huma mħassbin fuq uliedhom u xejn mhuma konvinti li qed isir minn kollox.

Il-UĦM Voice of the Workers kompliet li ma’ dawn jingħaqdu, fost l-oħrajn, il-ħaddiema tas-Saħħa u l-Border Control Officers, li huma wħud mill-frontliners li tant għamlu u għadhom jagħmlu sagrifiċċji.

Għaldaqstant, il-Union ħasset li jkun att ta’ responsabbiltà li titlob laqgħa fejn jiġu ċċarati dawn il-karbiet ta’ ħafna Maltin u Għawdxin, li mhu qed jitolbu xejn għajr li jkun hemm direzzjoni ċara u waħda għal kulħadd ħalli ma nipperikolawx is-sitwazzjoni.

Waqt li tifhem li f’sitwazzjoni bħal din ikun hemm ħafna interessi, il-UĦM Voice of the Workers temmen li l-ispirtu nazzjonali għandu jixprunana biex tinstab soluzzjoni li tmur ‘il fuq minn interessi individwali. Dan hu mument fejn id-djalogu soċjali għandu jitla’ ‘l fuq mill-aspett tribali, fejn jitfittex l-aqwa u l-aħjar għall-pajjiż fl-interess tal-ġid komuni.