Internazzjonali

Il-WHO tinsisti li ma teżistix ‘soluzzjoni maġika’ għall-kriżi tal-Covid-19

Id-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa li ma teżisti l-ebda ‘soluzzjoni maġika’ għall-problema tal-coronavirus (Covid-19) li ilha x-xhur taffettwa lid-dinja.

Fl-istess ħin, Ghebreyesus indika li ‘tista’ ma tinstab qatt soluzzjoni għall-coronavirus li hi mija-fil-mija effettiva’, minkejja l-kampanji u impenji intensivi tad-diversi Stati biex jinstab vaċċin li jilqa’ kontra l-virus.

‘Il fuq minn 18-il miljun persuna madwar id-dinja, issa, spiċċaw infettati bil-coronavirus ġdid – bi 11-il miljun jirkupraw u bi kważi 690,000 jitilfu ħajjithom mill-effetti tal-infezzjoni.

Intant, il-WHO qed tinsisti li – minkejja t-tamiet tad-dinja li jinstab ma jdumx antiviral effettiv  – it-triq lejn in-normalità għandha tieħu fit-tul ħafna.

Tedros Adhanom Ghebreyesus u Mike Ryan, li jmexxi r-reazzjonijiet tal-WHO għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, qed jesiġu biex il-pajjiżi kollha jinfurzaw il-miżuri tas-saħħa kollha bl-aktar mod rigoruż, aktar milli ‘joqgħodu jistennew il-mirakli’.

Meta tkellem waqt news briefing ‘virtwali’, Ghebreyesus qal ukoll li l-ilbies tal-maskri tal-wiċċ għandu jsir simbolu tas-solidarjetà madwar id-dinja.

Id-Direttur-Ġenerali tal-WHO reġa enfasizza li filwaqt li numru ta’ vaċċini jinsabu fit-tielet fażi ta’ prova– b’kulħadd qed jittama li jkun hemm żblokk importanti fir-riċerka li tevita l-infezzjonijiet ġodda bil-Covid-19 – wieħed irid iżomm f’moħħu li jista’ ma jintlaħaq qatt it-tragward għal soluzzjoni ‘infallibbli’ tal-problema.

Intant, il-WHO għadha kemm ikkonkludiet ħidma fuq ‘bażi li tippermetti għal investigazzjoni’ dwar l-oriġini tal-Covid-19.

L-aġenzija tas-saħħa spjegat li żewġ esperti, issa, lestew fażi magħrufa bħala scoping mission fiċ-Ċina, bil-ħidma timmarka l-bidu ta’ investigazzjoni li għandha tidentifika kif in-nies spiċċaw infettati bil-coronavirus.

Sar magħruf ukoll li skwadra internazzjonali ta’ esperti, magħmulha minn xjenzati u riċerkaturi miċ-Ċina u madwar id-dinja, għandhom jibdew l-investigazzjonijiet – bl-istudji inizjali jsiru fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan, fejn il-virus kien identifikat għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

Jaħsbu li l- Covid-19 oriġina f’suq tal-annimali f’Wuhan u fejn, maż-żmien, għamel il-‘qabża fatali’ għall-bniedem – biċ-ċirkulazzjoni tal-virus tirranka madwar id-dinja fi kwistjoni ta’ ġimgħat u xhur.