Lokali

Jirritorna l-Festival Kanzunetta Maltija

Bejn 18-20 ta' Marzu, 2021

Minn hawn u 7 xhur oħra jirritorna l-festival Kanzunetta Maltija – bit-titlu Mużika Mużika. Dan tħabbar it-Tnejn filgħaxija fejn ġie spjegat li l-festival ser ikun qed jiġi organizzat bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu 2021.

Il-festival, iddedikat kompletament għall-mużika Maltija ser jittellgħa f’Dar il-Mediterran bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Maltija li ser tkun qiegħda ddoqq il-mużika tal-kanzunetti parteċipanti b’mod dirett.

Fil-jiem li ġejjin, ser ikunu qed jinfetħu s-sottomissjonijiet għal kompożituri Maltin fejn ġie spjegat li l-kompożituri m’għandhomx limitu ta’ kemm-il kanzunetta jistgħu jissottomettu. Wara li s-sottomissjonijiet jagħlqu, grupp ta’ ġurija mmexxi min-nutar ser ikollhom jagħżlu l-aħjar 35 kanzuetta fejn sussegwentament minn dawn iridu jintagħżlu 20 waħda.

Ġie spjegat li fl-ewwel serata ser ikun hemm eżebizzjoni tal-20 kanzunetta fejn l-għada, is-serata ser tkun dedikata kompletament f’taħlita bejn kantanti moderni u leġġendi tal-passat. Dan hekk kif ser ikunu qed jiġu preżentati dwetti b’interpretazzjonijiet varji ta’ kanzunetti Maltin magħrufa. Minkejja dan kollu ġie spjegat ukoll li s’issa għadhom ma jafux min ser ikunu dawn il-kantanti li ser ikunu qed jiġu mistiedna jkantaw fid-dwetti.

Sabiex fis-serata finali – mill-20 kanzunetta jiġu eliminati 8, bi 12-il waħda jissieltu għal premju finali. Ta’ min wieħed jinnota li ġie enfasizzat li r-rebbieħ mhux ser ikun l-kantant jew kantanta iżda l-kanzunetta – bil-premju rebbieħ ikun dak ta’ €10, 000.