Lokali Qorti

L-aħħar opportunità għal żagħżugħ bi problema ta’ droga bil-COVID-19 tkissru

Il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana ddikjarat li se tagħti l-aħħar opportunità lil żagħżugħ li għandu problema ta’ droga u dan wara li kiser  il-kundizzjonijiet ta’ l-Ordni ta’ Probation.

Dan in-nuqqas, anke jekk serju u m’għandux isir, seħħ anke minħabba l-pandemija tal-COVID-19 fejn Aaron Atzori, li jgħix Għawdex, qata’ l-kuntatt mal-Uffiċjal tal-Probation biex flok għamel progress mar lura.

Il-Qorti tenniet li ż-żagħażugħ għandu jingħata l-aħħar ċans sabiex jaqbad it-triq it-tajba u għalhekk kienet se testendi l-Ordni ta’ Probation u żżid  kundizzjonijiet oħra li fil-fehma tagħha jservu ta’ għodda neċessarja sabiex jaqbad it-triq tas-sewwa.

Il-Qorti kienet qed tiddeċiedi fil-konfront ta’ Atzori wara rapport li sar minn uffiċjali tal-Probation. Atzori residenti l-Qala qiegħed jonqos milli jkompli bir-rijabilitazzjoni tiegħu u mhux motivat sabiex jibni struttura u jibdel l-istil tal-ħajja tiegħu.

Irriżulta li Aaron Atzori reġa’ waqa’ fil-vizzju tad-droga kif ukoll qiegħed juri mġieba vjolenti u dan fid-dawl tal-fatt illi l-Ordni ta Probation se tiġi fi tmiemha nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu, 2020.

Irriżulta li Atzori qiegħed jabbuża mis-sustanza tal-kannabis u kokaina u jirrikjedi aktar għajnuna sabiex jindirizza l-istess problema u problemi oħra relatati.

Minn xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation Carmen Nygaard fis-16 ta’ Settembru, 2019, Aaron Atzori kien miexi fit-triq it-tajba u kien qed jimxi mall-kundizzjonijiet mogħtija lilu u kien anke qed jikkopera mal-Uffiċjal tal-Probation Joseph Mizzi, kif qal hu fil-Qorti .

L-imġieba tiegħu għall-ħabta ta’ Ottubru li għadda kienet tajba, imma. t-tieni rapport, tal-14 ta’ Lulju, 2020 jagħti stampa kemm xejn differenti tant li jidher li Aaron Atzori beda jimmolla u juri sinjali ta’ ribelljoni.

Jidher ukoll illi hemm iċ-ċans li se jerġa’ jibda jabbuża mid-droga. Infatti waqt is-seduta tal-24 ta’ Lulju, 2020, ammetta mal-Qorti li pejjep spinellu li kien ghad baqalu.

Il-Qorti qalet li  l-iskop tal-probation huwa sabiex persuni misjuba ħatja ta’ xi reat jew reati jingħataw l-għajnuna neċessarja minn Uffiċjali tal-Probation kif ukoll minn professjonisti oħra, skont il-ħtieġa.

F’dan il-kaz il-Qorti qalet li dan l-aħħar osservat kambjament notevoli fil-komportament tiegħu minn meta l-aħħar li deher quddiemha f’Awissu 2019. Deher aktar kalm u ko-erenti.

Ġie osservat ukoll li kif jirriżulta mir-rapport tal-14 ta’ Lulju, 2020, minhabba s-sitwazzjoni mposta fuq kulhadd minħabba l-COVID 19, il-kuntatt dirett personali tant importanti ta’ l-Uffiċjal tal-Probation u l-professjonisti ma’ Atzori waqaf u l–kuntatt beda jsir permezz tat-telefon.

Il-Qorti hija tal-fehem li dan it-tibdil wassal biex il-proċess li nbeda tħarbat għax kien hemm kambjament fir-rutina, f’dak miftiehem u għalhekk inbidlu l-aspetattivi.

Huwa fatt ben maghruf li anke t-toqol psikoloġiku żdied matul il-perjodu meta kien hawn tibdil anke fil-ħajja ta’ kuljum u dak li kien normalment isir, sar f’daqqa waħda projbit jew ristrett.

Il-Qorti ordnat biex l-Uffiċjal tal-Probation jagħmel rapport kull sitt xhur dwar il-komportament ta’ Atzori. Il-Qorti wissietu li jekk mhux se jimxi mal-kundizzjonijiet ta’ l-Ordni maħruġ minnha kif ukoll jekk ma josservax id-direzzjoni li jagħtih l-Uffiċjal tal-Probation mhux  se jkollu futur feliċi, iżda jkun qed jistieden inkwiet aktar serju b’idejh.

Meta qieset ir-rapporti flimkien, l-imġieba ta’ Atzori, kif ukoll l-età tiegħu, l-Qorti qalet li għalkemm Aaron Atzori huwa ħati li kiser il-kundizzjonijiet ta’ l-Ordni ta’ Probation huwa għandu jingħata l-aħħar opportunità sabiex jaqbad it-triq it-tajba.

Għalhekk għaddiet sabiex testendi l-Ordni ta’ Probation u żżid kundizzjonijiet oħra li fil-fehma tagħha jservu ta’ għodda neċessarja sabiex il-ħati jaqbad it-triq tas-sewwa.

Il-Qorti widdbet ukoll lil ommu sabiex jekk verament trid tgħin lil binha ma għandhiex toqgħod issib skużi għall-aġir ħażin tiegħu, u ma għandhiex twaħħal fil-mediċina li qed jieħu.

Ghandha tgħinu billi tinkoraġġieh u żżomm kuntatt hi wkoll mal-professjonisti li qed jassistu lil binha ħalli dan jimxi ‘l quddiem. Il-Qorti wara li rat l-Artikoli 7, 11 u 21 tal-Kap 446 tal-Liġijiet ta’ Malta sabet lil Aaron Atzori ħati li kiser il-kundizzjonijiet ta’ l-Ordni ta’ Probation mahruga minnha fis-7 ta’ Awissu, 2019.

Ghalhekk ikkundannatu għall-ħlas ta’ multa  ta’ €50.   L-Ordni ta’ Probation maħruħa minnha fis-07 ta’ Awwissu, 2019, ġiet estiża għall-perjodu ta’ sentejn oħra. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.