Lokali

L-iskema tal-vouchers ftit li xejn kellha effett fuq l-industrija tar-ristoranti

“L-iskema tal-vouchers ftit li xejn kellha effett fuq il-bejgħ”. Dan intqal mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering fejn minn stħarriġ mwettaq mill-istess assoċjazzjoni wera li l-maġġoranza tas-sidien tar-ristoranti saħqu li kien biss bejn 1% – 25% tal-bejgħ tagħhom li kien miġjub grazzi għal dawn il-vouchers.

Filwaqt li l-ACE spjegat li fis-sitwazzjoni li pajjiżna jinsab fiha kull għajnuna hija ta’ ġid, xorta waħda din l-iskema ma laħqitx il-frott mixtieq minnha oriġinarjament.

L-istħarriġ wera li 10% tal-parteċipanti spjegaw li bejn 51% u 75% tal-bejgħ tagħhom wasal minn dawn il-vouchers, iżda kompliet l-assoċjazzjoni, dan jaf ifisser li ġaladarba jispiċċaw il-vouchers, hemm il-biża’ li r-ristoranti ser iħabbtu wiċċhom ma diffikultajiet finanzjarji kbar.

Dan filwaqt li ħareġ fid-deher li għad hemm stabbilimenti li għadhom qed jistennew l-ittra mill-awtoritajiet li tippermettilhom li jniżżlu l-applikazzjoni biex jagħmlu użu minn dawn il-vouchers – bis-sidien tal-istabbilimenti tad-divertiment iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni hekk kif huma permessi jaċċettaw biss il-voucher il-blu.

L-ACE spjegat li filwaqt li tifhem li s-sitwazzjoni b’rabta mal-industrija tat-turiżmu għadha waħda delikata – insistiet li ċertu problemi bħad-dewmien għar-reġistrazzjoni tal-vouchers huma ntoppi li jtellfu l-kummerċ u ostaklu żejjed li jista’ jiġi evitat bil-għan li ristoranti u stabbilimenti oħra ma jagħlqux il-bibien tagħhom darba għal dejjem.