Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fuq droga għax miexi fit-triq it-tajba

Luke John Mizzi ta’ 31 sena, residenti n-Naxxar kellu s-sentenza ta’ sitt xhur ħabs mibdula f’waħda sospiża mill-Qorti tal-Appell wara li l-Qorti nnutat li il-progress sostanzjali li għamel sabiex jeħles mid-dipendenza tad-droga, tant illi jidher li illum huwa jinsab kompletament rijabilitat u sab postu mill-ġdid fis-soċjetà.

Huwa kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati talli fit-03 ta’ Gunju 2007 u matul it-12-il xahar ta’ qabel ittraffika, biegħ, qassam jew offra li jittraffika, d-droga ecstasy, li kellu fil-pussess tiegħu l-istess ecstasy, liema droga instabet f’tali ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa iżda ma kienx instab ħati li kellu fil-pussess tiegħu ir-raża meħuda mill-pjanta kannabis.

Mill-Ewwel Qorti minbarra sitt xhur ħabs huwa kien ġie mmultat €600. Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Edwina Grima wara li semgħet ix-xhieda qalet li jirriżulta li Luke John Mizzi kellu dipendenza fuq id-droga u dan sa minn età żgħira.

Dan ikkonfermatu ommu stess, li għamlet l-almu tagħha sabiex tgħin lil binha jegħleb dan il-vizzju qerriedi. Xehdu wkoll diversi speċjalisti li kkonfermaw kemm ommu laqqgħet lil binha magħhom, bit-tama li dan jibni ħajtu mill-ġdid, u jinħeles minn kull dipendenza.

Dan jidher li seħħ b’suċċess tant illi illum huwa ma għadux dipendenti fuq ebda tip ta’ droga u bena ħajja stabbli fi ħdan il-familja tiegħu fejn trabba b’tant għożża.

Il-Qorti kkunsidrat ukol il-fatt li l-akkużi jmorru lura għal Ġunju tas-sena 2007 u sena ta’ qabel din id-data, u allura dan meta kellu bejn 17 u 18-il sena.

Jirriżulta ċar fil-fehma tal-Qorti illi f’dan iż-żmien l-imputat diġa’ kien mifni bil-vizzju serju tad-droga tant illi ommu kienet tgħid li bdiet tara sinjali ta’ bidla fl-imġieba ta’ binha, saħansitra minn meta kien għadu jattendi l-iskola ta’ Stella Maris fil-Gżira.

Jidher li minn hemm beda it-teħid tal-kannabis u il-pilloli ecstasy. Tgħid li binha kellu bejn 14 u 15-il sena. Minn dak iż-żmien hija bdiet tipprova tagħtih l-għajnuna li kellu bżonn tant illi kienu diversi l-ispeċjalisti li offrew il-kura u terapija lilu, fosthom it-tabib George Grech, ‘social workers’ tal-Aġenzija Sedqa, u l-Aġenzija Appoġġ, kif ukoll l-Uffiċjal tal-Probation Matthew Fleri Soler, li kkonferma illi sas-sena 2011 huwa kien għadu jabbuża mid-droga.

Il-Qorti qalet wkoll li l-kondotta tiegħu mhix waħda allarmanti, kif aġġornata sa Diċembru tas-sena 2015, jirriżulta illi l-aħħar infrazzjoni tmur lura għas-sena 2014, fejn fis-sena 2011 hemm ukoll kundanna marbuta mal-pussess ta’ droga tal-pjanta tal-kannabis.

Il-Qorti tal-Appell innutat ukoll illi l-kundanna magħmula fil-konfront ta’ Luke John Mizzi mill-Ewwel Qorti, hija marbuta mat-traffikar ta’ tmien pilloli ecstasy .

M’hemmx dubju għalhekk, fil-fehma tal-Qorti, illi fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, jirriżulta sodisfaċentement ippruvat illi fiż-żmien tal-każ preżenti, jiġifieri f’Ġunju tas-sena 2007 u fit-12-il xahar ta’ qabel din id-data – l-imputat kellu dipendenza gravi fuq id-droga, dipendenza li bdiet snin qabel.   

Kif ingħad, mir-rapport tal-Bord tar-Rijabilitazzjoni jirriżulta b’mod ċar illi huwa kkopera bis-sħiħ fil-programm ta’ rijabilitazzjoni u dan allavolja hu kien sostna mill-bidu nett illi ma kienx aktar dipendenti fuq id-droga.

Hu kien dejjem konsistenti fl-għoti tal-kampjuni tal-urina li kien obbligat li jipprovdi darba fil-ġimgħa fejn skont dak irrapurtat dawn kienu kollha negattivi għajr għal wieħed.

Meta kien instab posittiv għall-kannabis fix-xahar ta’ Awwissu 2019. Iżda meta dan ġie segwit b’test ieħor erbat ijiem wara, rriżulta wkoll fin-negattiv. Għalhekk il-Qorti hija tal-fehma li rnexxielu jegħleb il-problema ta’ tossikodipendenza li kellu.

Il-Qorti qieset ukoll illi ma kellux każijiet oħrajn ta’ l-istess natura apparti minn każ wieħed ta’ pussess sempliċi tad-droga kannabis li jmur lura għas-sena 2009, apparti kundanna oħra għal reat kontravvenzjonali li jmur lura għas-sena 2014.

Jirriżulta wkoll illi mill-bidu ta’ dawn il-proċeduri (illi bdew diversi snin ilu) l-appellant bena ħajja stabbli b’xogħol fiss sabiex b’hekk illum l-qagħda finanzjarja tiegħu hija wkoll waħda stabbli, bħalma jidher li hija wkoll stabbli r-relazzjoni li għandu mat-tfajla tiegħu u li hija konxja mill-passat tiegħu.

Huwa jgawdi wkoll minn sapport kbir mill-familja tiegħu illi dejjem kienet ta’ spalla għalih tul ir-rijabilitazzjoni tiegħu mill-vizzju tad-droga. Għalhekk il-Qorti  kkundannat lil Luke John Mizzi għall-perjodu ta’ sitt xhur priġunerija iżda sospiżi għal perjodu ta’ sentejn.  Ġiet ikkonfermata wkoll dik il-parti tas-sentenza fejn kien ġie kkundannat għall-hlas ta’ multa ta’ €600.