Sport Sport Ieħor

O’Sullivan jikseb l-aktar rebħa veloċi fl-istorja tal-Kampjonat tad-Dinja tas-snooker

Ronnie O’Sullivan kompla jżid is-suċċessi fil-karriera tiegħu hekk kif wettaq rekord bl-aktar rebħa veloċi fl-istorja tal-Kampjonat tad-Dinja. Hu għeleb lil Thepchaiya Un-Nooh 10-1 f’anqas minn sagħtejn fl-ewwel rawnd. O’Sullivan b’hekk kiser ir-rekord li kien jinsab għand Shaun Murphy meta s-sena l-oħra kien għeleb Luo Honghao f’sagħtejn u 29 minuta.

Il-ħames darbiet champion tad-dinja kellu bżonn biss siegħa u 22 minuta biex kiseb vantaġġ kbir ta’ 8-1 fl-ewwel sessjoni l-Ħadd, b’medja ta’ 14-il sekonda kull tentattiv. Hu għalaq il-logħba bl-ewwel żewġ frames tat-tieni sessjoni.

Fis-sessjoni tal-lum, Un-Noon falla li jtawwal il-logħba u kien ikkastigat wara li falla l-boċċa l-ħamra li kienet sempliċi. O’Sullivan għamel break ta’ 93 u resaq frame bogħod milli jagħlaq il-logħba. Minkejja li kien 41 punt minn taħt, O’Sullivan ingħata ċ-ċans li jirbaħ il-konfront bi break ta’ 48.

Wara l-logħba, O’Sullivan qal li ma tantx jagħti importanza lir-rekords iżda sostna li hu sabiħ meta jkun qed isegwi xi wieħed. Hu kompla li wieħed għandu jieħu l-logħba kif tiġi u sempliċiment hu sabiħ li wieħed jilgħab is-snooker f’dawn iż-żminijiet.

Din l-edizzjoni fi Crucible Theatre qed tintlagħab mingħajr spettaturi minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19. O’Sullivan ammetta li l-atmosfera kienet stramba imma tal-anqas in-nies jistgħu jsegwu fuq it-televiżjoni.