Internazzjonali

Sinjali li l-Iran qed jaħbi l-imwiet mill-Covid-19

Sorsi anonimi fl-Iran qegħdin joħorġu l-informazzjoni li tindika li l-awtoritajiet fl-Istat Iżlamiku fundamentalista qegħdin jaħbu ċ-ċifri proprja tal-imwiet mill-Covid-19 fit-territorji tagħhom.

Sadanittant, investigazzjoni tal-BBC Persian service qed tgħid li l-imwiet ta’ pazjenti li mardu bil-coronavirus fl-Iran huma kważi ‘tliet darbiet akbar’ miċ-ċifra provduta mill-Gvern ta’ Tehran.

Rapport ġdid qal li l-istatistika tal-Gvern Iranjan qed tindika li mietu kważi 42,000 bis-sintomi tal-Covid-19 ( fl-Iran) sal-20 ta’ Lulju – bil-Ministeru tas-Saħħa f’Tehran jirrapporta ‘biss’ mal-14,405  mewta.

Ingħad ukoll li l-persuni infettati bil-coronavirus fl-Iran, fil-fatt, huma kważi d-doppju (451,024) tal-ċifra uffiċjali tal-infettati (278,827)  għal dan il-pajjiż.

Intant, l-istatistika uffiċjali xorta waħda tfisser li l-Iran hu l-aktar pajjiż li ġarrab impatt katastrofiku tal-Covid-19 minn fost l-Istati kollha tal-Lvant Nofsani – u fejn fl-aħħar ġimgħat irreġistra qabża kbira oħra fil-każi.

L-ewwel mewta mill-Covid-19 fl-Iran kienet irreġistrat fit-22 ta’ Jannar — skont il-listi u r-rekords mediċi li kienu preżentati lill-BBC. Intant, qed jingħad li l-ewwel mewta fl-Iran seħħet kważi xahar qabel kien irrappurtat l-ewwel każ uffiċjali tal-coronavirus fil-pajjiż.

Mindu feġġ il-virus fl-Iran kienu ħafna l-osservaturi li ddubitaw iċ-ċifri uffiċjali relatati mal-marda li qed jipproduċu l-awtoritajiet Iżlamiċi f’Tehran u bliet oħrajn.

Dan waqt li spikkaw l-irregolaritajiet fid-data ‘fuq livell nazzjonali u livell reġjonali’ u li referew għalihom ukoll uħud mill-awtoritajiet lokali. U filwaqt li l-esperti tal-istatistika pruvaw jipprovdu estimi alternattivi dwar l-imwiet mill-Covid-19, ma naqsux is-sinjali li l-vera ċifri tal-vittmi ‘kienu qed jinżammu lura mill-attenzjoni tal-pubbliku fl-Iran’.