Futbol Sport

Ylenia Carabott se tkompli l-karriera fil-Belġju

Ikomplu l-aħbarijiet pożittivi ġejjin mill-futbol tan-nisa. Il-plejer internazzjonali Maltija Ylenia Carabott se tkompli l-karriera fl-ogħla diviżjoni tal-Belġju ma’ Royal Charleroi Sporting Club. L-aħbar tasal wara li fl-istaġun li għadda lagħbet ma’ Chievo Fortitudo Women fl-Italja.

Carabott ħalliet pajjiżna llum lejn il-Belġju u mill-ewwel se tingħaqad mal-iskwadra l-ġdida tagħha f’kamp ta’ taħriġ. Il-kampjonat fil-pajjiż mistenni jibda fit-28 ta’ Awwissu b’Charleroi jilagħbu kontra Gent.

Hi se tkun it-tieni plejer Maltija li se tilgħab fil-kampjonat Belġjan wara li Rachel Cuschieri kienet lagħbet ma’ Anderlech fl-istaġun 2017/18. Carabott li għandha 31 sena kienet lagħbet ukoll darbtejn oħra barra minn Malta ma’ Alby FF fl-2012 u Ange IF tliet snin wara.

L-attakkant hi meqjusa bħala waħda mill-aqwa plejers ta’ kull żmien fil-futbol tan-nisa f’pajjiżna. Wara li lagħbet ma’ Raiders, Carabott spikkat ma’ Hibernians fejn rebħet kull unur possibbli għal diversi drabi u spiċċat l-aqwa skorer tmien snin konsekuttivi. Mat-tim nazzjonali hi lagħab 83 logħba u skorjat 19-il gowl.