Coronavirus Lokali

16-il immigrant jirriżultaw pożittiv għall-COVID-19

Dawk li mal-ewwel indikazzjoni dehru li kienu 71 immigrant li ddaħħlu f’pajjiżna fl-aħħar sigħat, filfatt kienu aktar minn hekk.

Dan kien konfermat mill-Gvern stess, hekk kif tħabbar li kienu 78 l-immigranti li kienu jinsabu f’diffikulta f’nofs ta’ baħar fl-ibħra territorjali Maltin, il-Ħadd filgħodu qabel intlemħu mil-Forzi Armati ta’ Malta.

Dawn l-immigranti ddaħħlu Malta u ġew iżolati, filwaqt li sarilhom swab test għall-COVID-19. Minnhom s’issa 16 irriżultaw pożittiv għall-virus. Dawn se jibqgħu jinżammu f’iżolament fil-Ħal Far Initial Reception Centre u l-bqija se jibqgħu fi kwarantina.

Wara li tilfu kuntatt mal-organizzazjoni Alarm Phone aktar kmieni l-Ħadd, l-immigranti ntlemħu fuq patrol boat tal-AFM. Alarm Phone allegat li l-Gvern Malti jaf kien qed jinnegozja pushback lejn il-Libja.

Dan il-grupp ta’ immigranti mhux l-uniku li bħalissa jinsab fil-Mediterran, hekk kif il-kriżi tal-immigrazzjoni qed tkompli teskala b’aktar vjaġġi klandestini lejn l-Ewropa.

Matul Lulju, kważi f’kull ġimgħa, rajna wasliet ta’ immigranti f’pajjiżna. Mill-bidu tas-sena ‘l hawn daħlu Malta aktar minn 1,800 immigrant. Dawn in-numri qed jitfgħu pressjoni mhux żgħira kemm fuq l-Armata, kif ukoll fuq is-servizzi ta’ detenzjoni; sitwazzjoni li qed twassal ukoll biex b’mod regolari jaħarbu immigranti miċ-Ċentri Magħluqa.

L-aħħar ħarba seħħet fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, bil-ħames immigranti s’issa jidher li baqgħu ma nstabux.