Lokali

Aktar immigranti jitolbu għajnuna għal salvataġġ

Ritratt: Arkivji
Fl-ewwel 7 xhur tas-sena diġa' daħlu Malta 'l fuq minn 1,900 immigrant

Numru ta’ dgħajjes bħalissa jinsabu fiz-zona SAR ta’ pajjiżna, hekk kif il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran qed tkompli tgħolli rasha.

Net News jista’ jikkonferma li fost l-oħrajn hemm grupp ta’ 27 immigrant li diġa’ talbu għajnuna lill-awtoritajiet Maltin. Sa issa għadu mhux ċar jekk l-AFM ħarġux għas-salvataġġ tagħhom.

L-organizzazjoni Alarm Phone qed tgħid dawn l-immigranti qed jirriskjaw li jegħrqu.

Il-kriżi tal-immigrazzjoni qed twassal biex naraw numru ta’ immigranti b’mod kontinwu jiddaħħlu Malta, ġimgħa wara l-oħra. Sal-bieraħ stess, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li m’għandux soluzzjoni għall-immigrazzjoni.

Dan is-sit ilu wkoll ġimgħat sħaħ jirrapporta s-sitwazzjoni ta’ iffular fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni.