Internazzjonali

COVID-19: Id-dinja qed tiffaċċja ‘katastrofi’ fost l-għeluq tal-iskejjel dovut għall-pandemija

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li d-dinja qed tissogra ‘katastrofi ġenerali’ f’sitwazzjoni fejn l-iskejjel madwar il-pajjiżi qed jibqgħu magħluqin minħabba l-effetti tal-Covid-19. It-twissija ngħatat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, li enfasizza ‘il-priorità’ li l-istudenti jidħlu mill-ġdid għal-lezzjonijiet fil-klassi ladarba l-pandemija tinġieb taħt kontroll.

‘Il fuq minn 160 pajjiż għalqu l-iskejjel, bid-deċiżjoni qed taffettwa  lil aktar minn biljun persuna. U filwaqt li għadna resqin lejn l-eqqel tas-sajf, l-impatt tal-coronavirus qed jinkwieta bil-kbir lin-nies u l-awtoritajiet fis-settur tal-edukazzjoni, madwar id-dinja.

Intant, il-kumitat xjentifiku ta’ Franza wissa dwar il-‘probabbiltà kbira’ li l-virus jerġa’ iqum, b’ċertu qilla, matul il-ħarifa u x-xitwa, b’dan il-fattur ukoll għandu jaffettwa l-ħajja skolastika fil-pajjiż u ‘il hinn minnu.

Mal-250 miljun tfal kienu waqfu milli jattendu l-iskejjel anki qabel il-bidu tal-pandemija. Sadanittant, eluf ta’ tfal fil-Ġermanja bdew jirritornaw l-iskola għall-ewwel darba minn Marzu meta mhux ċar sa liema livell it-tfal huma kapaċi li jferrxu dan il-virus.

David Nabarro, ir-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Covid-19, qal li l-coronavirus kapaċi ‘jitlaq u jirritorna malajr’ u insista bl-importanza tal-contact tracing u testijiet ta’ persuni. Hu spjega li s-soċjetà għandha tidra tgħix ‘mal-virus’ bħala realtà ġdida u meta jibqgħu possibbli inċidenzi ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fl-iskejjel u l-intrapriżi tan-negozju.