Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

COVID-19: Is-sitwazzjoni “assolutament taħt kontroll” – Robert Abela

Eżatt wara li ħarġet l-aħbar li l-każi attivi ta’ Covid-19 qabżu l-200, il-Prim Ministru tenna li s-sitwazzjoni tinsab “assolutament taħt kontroll”.

Robert Abela qal dan fi tmiem laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu.

Fi stqarrija kien konfermat li l-Gvern permezz tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se jkompli għaddej bit-taħditiet mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u unions oħra. Dan wara li t-tobba u l-infermiera issospendew l-azzjonijiet li kienu se jieħdu; azzjonijiet li ġew sospiżi temporanjament sa għada.

Intant, tħabbar ukoll li l-Ħamis li ġej se jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex tkun diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija. 

Il-Prim Ministru qal li se jkun qed jagħti “aġġornament fattwali” lill-MCESD kollu nhar il-Ħamis. “Il-Gvern jerġa’ jtenni li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija assolutament taħt kontroll u jassigura li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.”