Lokali

ELEZZJONI KAP TAL-PN: Approvati unanimament ir-regoli għall-elezzjoni fost it-tesserati

L-approvazzjoni finali tar-regoli trid issir mill-Kunsill Ġenerali tal-PN

L-Eżekuttiv tal-PN illejla approva b’mod unanimu r-regoli għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan wara li r-regoli tressqu fl-istess laqgħa tal-Eżekuttiv minn Peter Fenech President tal-Kummissjoni Elettorali.

Issa, dawn ir-regoli jridu jiġu approvati b’mod definittiv mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-PN.

L-Eżekuttiv qabel illi l-ebda tip ta’ kampanja ma tista’ tibda qabel individwu ikun dikjarat uffiċjalment kandidat mill-Kummissjoni Elettorali.

L-elezzjoni kollha se tkun ko-ordinata mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

F’każ ta’ aktar minn żewġ nomini, irid jitlaqqa’ il-Kunsill Ġenerali qabel il-Konvenzjoni. Dan sabiex fil-Konvenzjoni tat-tesserati ssir votazzjoni fost żewġ kandidati.

Intant, il-proċess ta’ due diligence fuq il-kandidati se jkun qed jieħu terminu ta’ 6 ġimgħat massimu.

It-tesserati tal-PN eleġibbli li jivvutaw

Dawk eleġibbli li jivvutaw jrid ikollhom it-tessera mħallsa għas-snin 2018 u l-2019 (l-aħħar sentejn kalendarji), filwaqt li jkunu konformi mas-sena attwali li trid tkun imħallsa wkoll.

Min ikollu tesseri b’lura sal-2015 jista’ jħallas u jingħata d-dritt tal-vot; u allura għal dawk li kienu membri tal-partit f’dawn l-aħħar 5 snin iżda jista’ jkun ikollhom ħlas ta’ tesseri neqsin.

It-tesserati jistgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom sa 10 ijiem qabel il-Konvenzjoni Ġenerali.

Ikkummenta