Futbol Sport

Fulham lura fil-Premier League

Fl-aktar partita li tiswa’ flus fil-logħba tal-futbol, Fulham kisbu l-promozzjoni għall-Premier League wara li għelbu lil Brentford 2-1 f’partita kellha tmur għall-ħin barrani wara li wara disgħin minuta ż-żewġ timijiet ftit li xejn ħolqu azzjonijiet denji ta’ nota li setgħu kkawżaw perikli u opportunitajiet ta’ gowl.

Dan kien ritorn għal Fulham fil-Premier League wara li ġew relegate għaċ-Championship l-istaġun li għadda. Fis-semifinali tal-play-offs, Brentford eliminaw lil Swansea b’rimonta tajba fit-tieni leg wara li tilfu fl-ewwel leg filwaqt li Fulham eliminaw lil Cardiff b’żewġ rebħiet.

Wara biss żewġ minuti mill-ħin barrani, Brentford resqu qrib li jmorru fil-vantaġġ meta wara cross fil-baxx il-konklużjoni ta’ Watkins ġiet devjata minn Hector biex għaddiet barra. Fulham marru fil-vantaġġ fil-104 minuta meta minn azzjoni ta’ kontrattakk, it-tim ta’ Scott Parker ingħata freekick wara foul ta’ Norgaard fuq Onoma. BRYAN mid-distanza rnexxielu jqarraq bil-gowlkiper ta’ Brentford fejn kien preparat għall-cross iżda id-difensur ta’ Fulham kellu ħsibijiet oħra.

Fulham irduppjaw u aċċertaw mill-promozzjoni fil-117 –il minuta meta minn azzjoni tajba maħduma bejn numru ta’ plejers reġgħa kien BRYAN li tefgħa wara Raya. Brentford skurjaw tard fil-partita permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ DALSGAARD. Minbarra li kisbu post fil-Premier League, Fulham daħlu ukoll is-somma ta’ £135 miljun u s-somma tista’ tiżdied jekk isalvaw posthom fil-Premier League l-istaġun li ġej. B’hekk huma jingħaqdu ma’ Leeds United u West Bromwich Albion fil-Premier League l-istaġun li ġej.