Coronavirus Edukazzjoni Ekonomija Lokali Saħħa Turiżmu

“Għaġġilna meta ftaħna għall-attivitajiet tal-massa” – Tony Zahra mill-MHRA

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joe Farrugia, iċanfar lill-Gvern talli bit-taxxi qed ipoġġi f'riskju saħħet il-poplu

“Meta wieħed iħares lura, naħseb għaġġilna ħafna meta ftaħna għall-attivitajiet tal-massa.”

Kienet din id-dikjarazzjoni ta’ Tony Zahra tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u għar-Ristoranti, l-MHRA, meta ntalab mill-ġurnal Malta Independent jagħti r-reazzjoni tiegħu jekk qattx kellu jingħata permess għall-attivitajiet tal-massa, fid-dawl li dawn kienu waħda mill-kawżi ewlenin taż-żieda kbira ta’ każi pożittivi ta’ COVID-19.

Il-fatt li d-deċiżjonijiet meħuda fuq ir-riżultati miksuba mingħajr ebda possibbiltà ta’ tbassir qed toħloq problema kbira u ġdida għal kull min hu f’dan in-negozju, li normalment hija mdorrija tippjana fit-tul.

Fuq hekk, il-President tal-MHRA qal li din għandha tiġi indirizzata bl-aħjar mod possibli bir-riskji li tista’ tpoġġi fuq l-ekonomija u s-saħħa tal-pubbliku.

Zahra wera t-tħassib tiegħu ukoll għall-fatt li bosta pajjiżi qed jerġgħu jaħsbuha jħallux lil Malta mniżżla bħala destinazzjoni sigura, bil-Litwanja tniżżilna fuq il-lista s-sewda ta’ destinazzjonijiet.

Minkejja li t-titjiriet minn Kaunas għadhom ma bdewx joperaw, Zahra saħaq li mhuwiex sinjal tajjeb li Malta titniżżel fuq il-lista s-sewda ta’ xi pajjiż tant li issa l-Irlanda qed tikkunsidra tagħmel l-istess pass, li jista’ jaffettwa żgur lil Malta.

Intant, f’opinjoni li kiteb għall-ġurnal The Times, Joe Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA, qal li l-Gvern, permezz tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, qed jippromwovi b’mod iddisprat lil pajjiżna bħala l-mekka tal-attivitajiet tal-massa sabiex jissodisfa lill-istess organizzaturi.

Farrugia saħaq li huwa evidenti li l-Gvern mhux iqis il-konsegwenzi ta’ dan u qed ipoġġu f’riskju lill-istess poplu Malti, li qed joħroġ minn butu il-flus għal dawn il-kampanji aggressivi ta’ promozzjoni, imħatra li qed tpoġġi f’riskju saħħet il-poplu, l-ekonomija Maltija u li jaf tħalli lill-iskejjel magħluqa f’Settembru.

Kontra kull parir li qed jingħata l-Gvern, kemm dawn mediċi, tal-imsieħba soċjali u l-pubbliku inġenerali, il-Gvern ippermetta lill-għadu jidħol f’ħoġru u bħala eżempju, Farrugia semma l-party li sar f’lukanda ewlenija, li għamlet ħerba nazzjonali mir-riżultati tajbin miksuba sa dakinhar b’rabta mal-COVID-19.

Id-Direttur Ġeneral temm jistaqsi għalfejn l-MTA hija ħerqana li tiġbor iż-żibel ta’ ħaddieħor, min se jerfa’ r-responsabbiltà politika jekk is-sitwazzjoni tisplodi f’wiċċ il-poplu u ħeġġet lill-Gvern jieħu l-eżempju tal-Każini tal-Banda, li min jeddhom ħassru l-marċi li kellhom ippjanat sabiex iħarsu l-ġid komuni tal-poplu.